Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li permezz tal-brand turistika VisitGozo, il-Ministeru għat-tieni sena konsekuttiva qed jerġa’ jikkollabora mal-Malta Premier League sabiex għal sena oħra jintlagħbu logħbiet tal-kampjonat Premier Malti f’Għawdex waqt il-Gozo Weekender. Il-logħbiet, għal din l-inizjattiva li tgħaqqad l-isport mat-turiżmu, huma skedati li jsiru bejn il-11 u t-12 ta’ April u t-18 u d-19 ta’ April 2026 fil-Gozo Stadium.
Il-Ministru Camilleri stqarr li l-Gozo Weekender tas-sena li għaddiet kien suċċess kbir. Fuq medda ta’ sitt logħbiet, madwar 5,500 spettatur attendew fil-Gozo Stadium. Barra minn hekk, l-avveniment attira mijiet ta’ sapporters li żaru Għawdex mal-familji u l-ħbieb tagħhom biex iqattgħu tmiem il-ġimgħa fil-gżira. Huwa kompla jgħid li “din l-inizjattiva tkompli turi kif l-isport jista’ jservi bħala mutur importanti għall-ekonomija u t-turiżmu f’Għawdex. Is-suċċess li kellna s-sena l-oħra juri biċ-ċar kemm inizjattivi bħal dawn jistgħu joħolqu moviment ekonomiku u fl-istess ħin joffru esperjenza unika lill-partitarji tal-futbol. Din is-sena ridna mmorru pass oltre, b’aktar logħob u aktar attivitajiet li jkomplu jsaħħu l-atmosfera sportiva f’Għawdex u jattiraw aktar nies lejn il-gżira tagħna.”
Fil-fatt, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fix-xahar ta’ Marzu 2025 l-lukandi f’Għawdex irreġistraw żieda ta’ 25% fil-wasliet ta’ turisti. Għall-ewwel darba l-ammont ta’ viżitaturi qabeż l-10,000 persuna, li rriżulta f’aktar minn 24,000 bed-night. Huwa stmat ukoll li l-avveniment tas-sena l-oħra ġġenera madwar €600,000 f’attività ekonomika fl-ekonomija Għawdxija.
Is-sena li għaddiet kienet storika hekk kif, wara 25 sena, Għawdex ospita mill-ġdid logħba uffiċjali tal-kampjonat Premier Malti, meta l-klabb Gozo FC kien ġie promoss u kkompeta fil-kampjonat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Premier League, Alan Abela qal li “din l-inizjattiva tippermettilna nerġgħu naqsmu lejn Għawdex u nagħtu lill-pubbliku Għawdxi l-opportunità li jsegwi mill-qrib il-partiti tad-diviżjoni ewlenija ta’ Malta. Il-YoHealth Malta Premier jirringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar flimkien ma’ Visit Gozo talli għal darb’oħra qed jerġgħu jappoġġjaw dan il-proġett.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-GFA Samuel Azzopardi qal li “dan huwa avveniment partikolari għal Għawdex fejn fuq is-suċċess miksub is-sena l-oħra, issa flok weekend wieħed ħa jkun hawn tnejn. Logħob deċiżiv u importanti għall-Kampjonat Malti. Il-Gozo Football Association qiegħda terġa’ toffri l-Gozo Stadium għal dan il-logħob kompetittiv u tirringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li qed jagħmel dan possibbli.”
Din is-sena l-Gozo Weekender ser jinkludi wkoll elementi ġodda. Fost l-oħrajn, il-programm tal-logħob ser jinqasam fuq żewġ weekends u ser jinkludi konfronti kemm bejn it-TOP 6 kif ukoll il-BOTTOM 6 tal-kampjonat. Dan ifisser li Għawdex ser ikun qed jospita logħbiet importanti relatati mal-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat, il-kwalifikazzjoni għall-kompetizzjonijiet Ewropej, kif ukoll il-battalja kontra r-relegazzjoni.
Fl-istess żmien ser jiġi organizzat ukoll turnew tal-futbol għat-tfal, li ser iżid l-atmosfera sportiva u l-enerġija tal-futbol fil-gżira.
Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-Gozo Football Association għall-kooperazzjoni tagħha u lill-Malta Premier League tal-inizjattiva u tax-xogħol kontinwu tagħha għall-iżvilupp tal-futbol Malti.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Clint Camilleri stieden lis-sapporters Maltin u Għawdxin biex jieħdu din l-okkażjoni u jattendu għal-logħbiet fil-Gozo Stadium, sabiex flimkien jinħolqu atmosfera sportiva mill-aqwa waqt din il-festa ta’ futbol f’Għawdex.

