Saturday, December 21, 2024

Il-GP tal-Arabja Sawdija mistenni jsir skont kif skedat

Aqra wkoll

Il-GP tal-Arabja Sawdija mistenni jsir skond kif skedat minkejja t-tħassib mis-sewwieqa f’laqgħat twal wara attakk fuq maħżen taż-żejt qrib iċ-ċirkwit ta’ Jeddah.

Il-grid tal-F1 ta’ 20 sewwieq iltaqa’ f’laqgħat li ħadu aktar minn erba’ sigħat wara s-sessjoni ta’ prattika nhar il-Ġimgħa u t-taħditiet – li kienu jinkludu l-kapijiet tat-timijiet u l-kapijiet tal-F1 – komplew sas-2.30am ħin lokali fl-Arabja Sawdija.

Huwa mifhum li s-sewwieqa qajmu tħassib dwar is-sigurtà tal-avveniment wara attakk bil-missili fuq faċilità taż-żejt fil-viċin aktar kmieni l-Ġimgħa wara nofsinhar, li għalih il-grupp ribelli Houthi tal-Jemen ħa r-responsabbiltà.

Iżda filwaqt li l-laqgħat twal ssuġġerew li xi sewwieqa setgħu riedu jibbojkottjaw it-tellieqa, il-GP tal-Arabja Sawdija xorta sejjer ikompli kif ippjanat u l-kapijiet tat-timijiet saħqu li se jkunu qed jieħdu sehem fi tmiem il-ġimgħa.

Depot taż-żejt – madwar seba’ mili ‘l bogħod mill-korsa u proprjetà tal-isponsor tal-F1 Aramco – inħaraq waqt l-ewwel sessjoni ta’ prattika fl-Arabja Sawdita u miċ-ċirkwit setgħet tidher sħaba kbira ta’ duħħan iswed.

In-nar kien għadu għaddej tard il-Ġimgħa bil-lejl u kien għad hemm duħħan nieżel fis-sema s-Sibt filgħodu.

L-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija qalu li ma kien hemm l-ebda vittmi mill-attakk.

Qabel is-sewwieqa tal-F1 komplew il-laqgħat tagħhom fil-paddock ta’ Jeddah, il-president tal-FIA Stefano Domenicali saħaq li kienu rċevew appoġġ unanimu mis-sewwieqa biex ikomplu u “assigurazzjoni totali” dwar is-sigurtà mill-awtoritajiet.

Ekonomija

Sport