M’hemm ebda dubju li l-wasla ta’ San Pawl f’Malta ħalliet effett fuq l-istil ta’ ħajja tal-Maltin. Hi ġrajja li intisġet mal-identità Maltija. Ġrajja li affettata l-aspett soċjali, kulturali u politiku.
Il-parti l-kbira tal-Maltin, f’xi żmien jew ieħor żgur li semgħu bin-nawfraġju ta’ San Pawl f’pajjiżna. Din il-ġrajja flimkien mal-fatt li hi miktuba fl-Atti tal-Appostli influwenzat bil-kbir is-sens ta’ identità tal-Maltin.
Il-Maltin bdew jaraw li għandhom identità separata anke billi jintrabtu ma’ din il-ġrajja. Ġrajja li mill-mod kif seħħet u kif ingħad li hemm bżonn jaħbtu ma’ gżira, għal ħafna żmien ġiet interpretata bħala li Malta intgħażlet b’mod divin.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2025/02/WhatsApp-Image-2025-02-08-at-06.44.17-5-1024x682.jpeg)
L-Ordni ta’ San Ġwann, ħadem u għen biex tissaħħaħ ir-rabta bejn in-nawfraġju u Malta. Il-memorja kollettiva saret tħaddan fiha iż-żmien li San Pawl għamel f’Malta anki wara n-nawfraġju, irrispettivament mill-ġenwinità storika ta’ din il-ġrajja.
Wieħed ma jistax jinsa li għal perjodu twil konna maħkumin mill-Għarab u m’hemmx dubju li f’dak iż-żmien il-fidi Kattolika ma kinitx b’saħħitha. Biss meta ġiet introdotta mill-ġdid wara li l-gżejjer Maltin spiċċaw Latinizzati, il-fervur reliġjuż u għalhekk ir-rabta ma’ din il-ġrajja, issaħħew bil-kbir.
Artiklu dwar dan f’IT-TORCA tal-Ħadd 9 ta’ Frar.