Thursday, March 13, 2025

Il-grawnd tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ser jibda jintuża mingħajr ħlas mir-residenti ta’ Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Il-grawnd tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ser ikun jista’ jintuża mir-residenti ta’ Raħal Ġdid, dan wara ftehim li ġie ffirmat bejn il-kunsill lokali u t-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, ippresedut mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.

F’kummenti dwar dan il-ftehim, il-Ministru Byron Camilleri spjega li għal snin dan il-grawnd, li jinsab fil-qalba ta’ Raħal Ġdid, ir-residenti ma’ kellhomx aċċess għalih. Kien għalhekk, li b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ġie maqbul li mhux biss jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku imma wkoll li jitgawda mingħajr ebda ħlas. Tenna li dan huwa wkoll mod kif l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tagħti lura lis-soċjetà, bl-isbaħ mod, permezz tal-isport.

Sport li fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma jbiegħed lin-nies mill-vizzji, kif anke tindika r-riċerka. Għalhekk, fisser dan il-ftehim fost oħrajn bħala wieħed li jippromwovi l-attività fiżika filwaqt li l-Aġenzija permezz ta’ dan il-ftehim ser tkun qegħda tagħti lura lill-familji ta’ Raħal Ġdid bl-użu ta’ dan il-grawnd. Ikkonkluda li jħares ’il quddiem biex il-pubbliku jibda għalhekk jaħsad il-frott ta’ dan il-ftehim.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio tenna li dan il-ftehim, huwa pass għaqli, biex isir użu minn grawnd eżistenti li jinsab fil-qalba tar-raħal u li għalhekk huwa iżjed faċli li jintuża mir-residenti. “Napprezza l-fatt li din it-talba li għamilt lill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ntlaqgħet mal-ewwel u mil-lum nistgħu naħsdu l-frott tagħha. Huwa sabiħ li kull entità, ikun x’ikun l-operat tagħha, tagħti lura xi ħaġa lir-residenti.”

Preżenti għal iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll kunsilliera u rappreżentanti mit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport