Friday, January 10, 2025

Il-Ġrmanja u Franza jwissu lil Trump kontra l-użu tal-forza fuq Greenland

Aqra wkoll

Il-Ġrmanja u Franza wissew b’mod qawwi lil Donald Trump kontra kull tentattiv biex iċaqlaq il-fruntieri bil-forza wara li l-president elett tal-Istati Uniti qal li kien lest juża tariffi ekonomiċi jew poter militari biex jaħtaf il-kontroll tal-gżira tal-Greenland li hija territorju awtonomu tad-Danimarka.

F’dikjarazzjoni televiżiva msejħa bil-għaġla, il-Kanċillier tal-Ġrmanja, Olaf Scholz, qal li r-rimarki ta Trump wasslu għal tħassib fost il-mexxejja Ewropej. Il-prinċipju tal-invjolabbiltà tal-fruntieri japplika għal kull pajjiż irrispettivament minn jekk huwiex fil-lvant jew fil-punent u kull stat għandu jirrispetta dan, irrispettivament minn jekk huwiex pajjiż żgħir jew stat b’saħħtu ħafna, wissa Scholz.

Aktar kmieni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Jean-Noël Barrot, qal li l-Ewropa se tqum biex tiddefendi l-liġi internazzjonali. Barrot wissa wkoll li l-Unjoni Ewropea mhux se tħalli nazzjonijiet oħra fid-dinja, ikunu min ikunu, jattakkaw il-fruntieri sovrani tagħha.

Barrot żied fuq radju France Inter, li, filwaqt li ma jemminx li l-Istati Uniti “se tinvadi” Greenland, qal li “dħalna f’era li qed tara r-ritorn tal-liġi ta’ min hu l-aqwa jħawwel”.

Id-Danimarka qalet li hija miftuħa għad-djalogu ma’ Trump dwar ħidma flimkien biex jindirizzaw it-tħassib leġittimu tal-Istati Uniti dwar is-sigurtà fir-rigward ta’ Greenland, filwaqt li irrifjuta kwalunkwe theddida ta’ użu tal-forza.

Id-Danimarka hija maqbuda f’morsa doppja, iffaċċjata mit-theddid dejjem aktar serju minn Trump biex jieħu f’idejh il-gżira tal-Artiku għal raġunijiet ġeostrateġiċi tal-Istati Uniti, kif ukoll talbiet dejjem jikbru mill-klassi politika ta’ Greenland għal indipendenza sħiħa mid-Danimarka.

Il-Prim Ministru tal-Greenland, Múte B Egede, kellu taħditiet mar-re Daniż f’Kopenħagen nhar l-Erbgħa, jum wara li r-rimarki ta’ Trump tefgħu fil-attenzjoni d-destin tal-gżira li hija mogħnija b’ħafna minerali u strateġikament importanti.

Fir-rimarki tiegħu tas-sena l-ġdida, Egede qal li Greenland issa kienet lesta li tagħmel il-pass kbir li jmiss fl-isforz biex tkisser il-“katina tal-kolonjaliżmu”. Diġà għadda att ta’ self-government li jiftaħ it-triq għal referendum dwar l-indipendenza tagħha.

Iben il-president elett, Donald Trump Jr mar għal “btala” qasir lejn Greenland nhar it-Tlieta fi vjaġġ li ħabat mas-sejħa ta’ missieru biex l-Istati Uniti tieħu l-gżira taħt il-kontroll tagħha, u ipprova jqajjem burdata biex din tinbiegħ lil Washington.

Don Jr qal li “In-nies ta’ Greenland iħossu li ġew sfruttati u ma ġewx ittrattati b’mod ġust mid-Danimarka. Qal ukoll li qed jinżammu lura milli jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom, kemm jekk huwa faħam, uranju, artijiet rari, deheb jew djamanti.

Sadanittant, il-Prim Ministru Daniż, Mette Frederiksen, qalet nhar it-Tlieta li ma setgħetx timmaġina l-ambizzjonijiet ta’ Trump li jwasslu għal intervent militari Amerikan fi Greenland.

Fl-2019 hija kienet sejħet it-talba ta’ Trump li Greenland titqiegħed għall-bejgħ bħala “assurda”. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm deċiżjoni kollettiva mill-gvern Daniż biex jipprova jrażżan l-emozzjonijiet.

Greenland kienet kolonja Daniża sal-1953 iżda issa hija territorju awtonomu tad-Danimarka u fl-2009 kisbet id-dritt li titlob l-indipendenza.

Il-politiċi Daniżi qed jittamaw li tkun evitata konfrontazzjoni b’laqgħa bejn uffiċjali għolja mid-Danimarka u l-Istati Uniti biex jiddiskutu kwalunkwe passi meħtieġa għall-ħafna ftehimiet ta’ sigurtà ta’ wara t-tieni gwerra dinjija ffirmati miż-żewġ pajjiżi.

L-Istati Uniti għandha bażi militari u bażi spazjali Pituffik fi Greenland, stabbilita għall-ewwel darba fl-1941. Tipprovdi sistemi kritiċi ta twissija bikrija meħtieġa biex tissorvelja l-attività Russa. Bit-tidwib tas-silġ madwar Greenland, il-possibbiltà li jinfetħu rotot kummerċjali ġodda bidlet l-importanza tal-Artiku.

F’Berlin, il-Kanċillier Ġrmaniż, Olaf Scholz qal li l-“gwerra brutali ta’ aggressjoni” tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet lill-Ġrmanja bħala l-aqwa ekonomija tal-UE biex iżżid b’mod qawwi l-infiq tad-difiża għal 2% tal-PGD, li jammonta għal aktar mid-doppju fl-aħħar seba’ snin. Huwa nnota li pajjiżu ħadem mill-qrib mal-Istati Uniti biex jipproteġi s-“sovranità u l-integrità” nazzjonali tal-Ukrajna. Għalhekk, Olaf Scholz wissa li l-fruntieri huma invjolabbli wara li l-president elett Trump tkellem dwar l-użu tal-militar tal-Istati Uniti jew it-tariffi biex jieħu l-kontroll tal-Greenland.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport