Saturday, December 21, 2024

Il-Grupp Farsons isaħħaħ it-tim maniġerjali tiegħu tan-negozju tal-ikel

Aqra wkoll

Il-Grupp Farsons ħabbar żewġ żidiet ġodda fit-tim maniġerjali għoli tiegħu. 

Sean Portelli, li għall-aħħar ħames snin kien Business Manager ta’ Quintano Foods Limited, inħatar Manager Ġenerali tal-kumpanija. Quintano Foods Limited hi l-fergħa tal-importazzjoni tal-ikel tal-Grupp Farsons u tirrappreżenta marki kummerċjali internazzjonali bħal Danone u l-portafoll tal-ikel ta’ PepsiCo li jinkludi d-ditti Quaker, Doritos, Walkers u Tropicana.

Is-Sur Portelli qal li, “Għalija hu privileġġ li nagħmel parti mill-Grupp Farsons. Ħames snin taru. Ingħaqadt mal-grupp b’rieda qawwija u b’determinazzjoni li Quintano Foods tikseb riżultati aħjar. Nirringrazzja lit-tim u lill-kollegi tiegħi tal-ħidma bla heda tagħhom, kif ukoll liċ-Chairman u lill-Kap Eżekuttiv tal-fiduċja li wrew fija billi jagħtuni aktar responsabbiltajiet b’din il-kariga l-ġdida. Ħerqan biex inkomplu naħdmu għal aktar suċċessi u tkabbir. Se nibqa’ bl-istess rieda u determinazzjoni li dħalt bihom fil-Grupp.”

Gordon Naudi hu impegat ġdid li nħatar Manager Ġenerali ta’ Food Chain Limited li topera l-marki globali Pizza Hut, KFC u Burger King f’Malta, u li se tibda tirrappreżenta marka oħra aktar tard din is-sena.

Is-Sur Naudi qal li, “Wara aktar minn 16-il sena fl-industrija tal-ospitalità, inħares ’iI quddiem għal din l-isfida l-ġdida biex ngħin lil Food Chain tikseb riżultati aħjar u toffri l-aqwa esperjenza li l-klijenti tagħna jistennew li jingħataw mill-kumpanija. Food Chain għandha ġejjieni eċitanti ħafna, u sodisfatt li se nkun fuq quddiem biex immexxu lit-tim tagħna ’l quddiem.

Is-Sur Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, qal li “Gordon u Sean huma managers b’ħiliet kbar, u huma żewġ żidiet ta’ valur għoli għat-tim maniġerjali tal-Grupp tagħna. Konvint li se jkollhom sehem ewlieni u li se jmexxuna ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-pjani tagħna li nkomplu niżviluppaw in-negozju tal-ikel, u ħerqan biex naħdem mill-qrib magħhom.

Minkejja l-isfidi li għaddejjin minnhom bħalissa, għandna pjani ambizzjużi għal Food Chain u Quintano Foods, li jinkludu għadd ta’ investimenti sinifikanti li għandhom iqegħduna fl-aħjar post biex nibqgħu insaħħu l-preżenza tagħna fis-suq tan-negozju tal-ikel.”

Ekonomija

Sport