Il-Bord tal-Diretturi tal-Grupp Farsons iħabbar sena oħra ta’ prestazzjoni finanzjarja u operattiva b’saħħitha għall-perjodu finanzjarju li ntemm fl-31 ta’ Jannar 2025. Il-Grupp irraporta tkabbir kemm fil-qasam tax-Xorb u kif ukoll f’dak tal-Ikel permezz ta’ inizjattivi strateġiċi immirati u investiment kontinwu fl-effiċjenza operattiva u fl-innovazzjoni. Id-dħul mill-qasam tax-Xorb laħaq il-€101.8 miljun, filwaqt li dak tal-Ikel iġġenera €39.3 miljun. Din iż-żieda fid-dħul kienet akkumpanjata minn waħda aktar qawwija fil-profittabilità, bil-profitt tal-Grupp wara t-taxxa jiżdied b’21.9% għal €18.6 miljun. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw s-saħħa u r-reżiljenza tal-mudell tan-negozju tal-Grupp u jirriflettu l-impenn kontinwu tiegħu biex joffri valur fit-tul lill-azzjonisti.
Matul is-sena, Farsons ibbenefika minn suq domestiku relattivament stabbli, għalkemm sfidi ġeopolitiċi u ekonomiċi internazzjonali usa’ – bħal-tfixkil fil-katina tal-provvista globali, iż-żieda fl-ispejjeż tal-merkanzija u n-nuqqas ta’ ħaddiema – komplew joħolqu pressjoni. Minkejja dawn l-isfidi esterni, il-Grupp żamm ritmu b’saħħtu permezz tal-isforzi tiegħu li jikkontrolla l-ispejjeż, l-istrateġiji rfinuti tan-negozju, u l-aġilità operattiva.
Il-qasam tax-Xorb irraporta titjib fil-prestazzjoni operattiva, sostnut minn avvanzi fl-ipproċessar u l-ibbottiljar tal-birra, kif ukoll kontroll aktar effettiv tal-ispejjeż, filwaqt li il-qasam tal-Ikel kompla jgawdi minn aktar attenzjoni fuq l-operat tar-restoranti franchise u kompla jsaħħaħ partijiet min-network tiegħu. Il-kapaċità tal-Grupp li jadatta għat-tibdil fit-tendenzi tal-konsumaturi u li jimxi ‘l quddiem f’suq kompetittiv kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.
Wieħed mill-punti ewlenin din is-sena tal-Grupp Farsons kien it-tnedija ta’ diversi proġetti kapitali strateġiċi imfassla biex isostnu t-tkabbir fil-futur. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ kumpless loġistiku avvanzat u ta’ uffiċċji f’Tal-Ħandaq biex iservu in-negozju tal-Ikel, u l-faċilità awtomatizzata għall-ippakkjar riutiliżżabbli fis-sit tal-Grupp fl-Imrieħel, li għandha żżid iċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fl-operat.
Il-Grupp għamel progress sinifikanti fl-aġenda tiegħu tas-sostenibbiltà, inkluż fl-investiment għal infrastruttura ta’ enerġija rinovabbli, fil-bidla tal-vetturi tal-flotta tiegħu biex jagħmlu inqas ħsara fl-ambjent, u fl-implimentazzjoni ta’ impjant għall-irkupru tas-CO₂, li hu ppjanat jibda jaħdem fit-tieni nofs tal-2025.
F’Novembru 2024, il-Grupp ħabbar pass strateġiku fl-evoluzzjoni kontinwa tiegħu billi ippropona li jifred s-ettur tal-Ikel f’entità legali separata (spin-off), Quinco Holdings plc, li se tkun elenkata fuq il-Borża ta’ Malta.
Wara tkabbir kostanti fis-setturi tax-xorb, il-propjetà u l-ikel matul l-aħħar deċennji, il-Grupp kellu tkabbir konsistenti, sena wara l-oħra, fin-negozju tal-Ikel minkejja l-isfidi tas-suq u l-pressjonijiet ekonomiċi. Wara r-reviżjoni strateġika li intemmet fl-2024, il-Bord iddetermina li in-negozju tal-Ikel issa qiegħed f’pożizzjoni tant tajba li jista’ jkompli jespandi bħala entità indipendenti iffokata fuq hekk biss.
Il-Grupp Farsons jirrapporta prestazzjoni b’saħħitha u jħabbar l-inizjattivi strateġiċi ewlenin li jmiss għat-tkabbir
Dan il-pass jirrifletti is-suċċess tal-ispin-off ta’ Trident Estates p.l.c. fl-2018 u imfassal biex jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir. B’hekk, in-negozju tal-Ikel ikollu tim maniġerjali ddedikat u bord tad-diretturi li jieħdu ħsieb l-istrateġija u l-implimentazzjoni.
Il-Bord jemmen bis-sħiħ li din ir-riorganizzazzjoni se żżid il-valur għall-azzjonisti u l-partijiet interessati, tkattar it-tkabbir organiku u inorganiku, u issaħħaħ il-viżjoni fit-tul tal-Grupp.
Il-Grupp se jibqa’ ffukat fuq l-effiċjenza fl-operat, is-sostenibbiltà, u t-tisħiħ fit-tul tal-ekwità tal-marka kummerċjali tiegħu. It-tbassir tal-Grupp għas-sena finanzjarja 2026 huwa pożittiv, jinkludi aktar investimenti kontinwi fl-infrastruttura, settur turistiku dinamiku, u mmaniġġjar finanzjarju prudenti. Bl-istrateġija ċara u l-prinċipji b’saħħithom tagħha, Farsons qiegħda f’pożizzjoni li tkompli toffri l-valur lill-konsumaturi, lill-impjegati, u lill-partijiet kollha interessati.