Friday, November 15, 2024

Il-grupp tal-vittma marru għas-sodisfazzjon għand l-akkużat

Tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Maher Aljasem

Aqra wkoll

Fil-Qorti ta’ Għawdex dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Maher Aljasem, Sirjan ta’ 24 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Fawez Najem li seħħ fis-7 ta’ Mejju li għadda.

Najem inqatel f’appartament f’Marsalforn b’daqqa ta’ sikkina f’qalbu wara li allegatament kien involut f’argument li skont filmat li beda jiċċirkola fil-midja seħħ qabel l-istess qtil.

L-Ispettur Shaun Pawney xehed li wara d-9.00 p.m. tas-7 ta’ Mejju ġie infurmat li kien hemm ġlieda f’Għawdex u li kien hemm ukoll raġel li tilef ħajtu. Il-ġlieda bdiet fi Triq il-Wied Marsalforn u li Najem kien twassal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn tliet Sirjani b’karozza.

Il-vittma kien għadu ħaj mal-wasla fl-Isptar

Huwa qal li dakinhar ġew arrestati wkoll żewġt irġiel li jgħixu mas-suspettat ewlieni. Kompla biex jgħid li mill-investigazzjonijiet irriżulta li waqt li l-irġiel kienu qegħdin jieħdu kafe spiċċaw fl-idejn u xhieda ta’ dan hemm ukoll filmat li beda jiċċirkola fil-midja. 

Spjega li dawk li wasslu lill-vittma l-isptar qalu li meta kien fil-karozza, Fawez kien għadu ħaj imma ħin minnhom deher jintilef minn sensih. Kasem Abdallah wieħed minn dawk li mar fl-appartament u qal li ra l-ġlieda li skalat bejn l-akkużat u l-vittma. Fix-xhieda tiegħu huwa qal li mar biex iferraqhom iżda spiċċa wkoll midrub fl-istess ġlieda li kompliet ħdejn garaxx fil-Wied ta’ Marsalforn.

Is-sikkina li ntużat għadha ma nstabitx

L-Ispettur kompla biex jgħid li s-sikkina li ntużat fl-omiċidju baqgħet ma nstabitx u li l-investigaturi għadhom qed jevalwaw il-filmati miġbuda minn kameras tas-sigurtà fil-madwar. Intant mill-investigazzjonijiet li saru s’issa jidher li l-vittma mar biex jieħu s-sodisfazzjon, b’dawk li taw ix-xhieda tagħhom jgħidu li raw irġiel armati bi njam u metall. L-Ispettur xehed ukoll li l-ġlieda bdiet fil-bieb u Maher deher f’sit ta’ kostruzzjoni li huwa bieb ma’ bieb mal-appartament. 

Ikkonferma wkoll li dak il-ħin l-akkużat spiċċa waħdu kontra l-grupp kollu li mar għalih u l-Qorti appuntat espert biex jieħu r-ritratti tal-ġrieħi li jidhru fuq il-ġisem tal-imputat. Instema’ kif l-unika ħaġa li seta’ jagħmel l-imputat kien li jiddefendi lilu nnifsu billi jfajjar daqqiet b’mus biex igerrex lil dawk li aggredewh.

Ta x-xhieda tiegħu wkoll is-Surġent Shawn Tabone, stazzjonat fl-Għassa tar-Rabat Għawdex li kkonferma li dan hu grupp ta’ nies li ilhom imqabbdin mal-imputat u li filgħodu marru jsawtuh ukoll. Spjega li mal-wasla fil-post kienu nnutati tbajja ta’ dmija u rigward kif żvolġa l-argument huwa qal li l-imputat kien qiegħed fir-residenza fejn jgħix meta marru għalih grupp ta’ rġiel.

Ekonomija

Sport