Wara 37 ġurnata, dalgħodu l-ġurati fil-ġuri ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop bdew id-deliberazzjonijiet tagħhom biex jistabbilixxu jekk l-imputati jinstabux ħatjin jew le.
Kien għall-ħabta tad-9.30am meta l-Imħallef Grima temmet l-indirizz tagħha lejn il-ġurati u bagħatilhom jiddeċiedu dwar il-verdett.
F’dan il-ġuri hemm mixlijin Adrian Agius u Robert Agius (magħrufa bħala Ta’ Maksar), Jamie Vella u George Degiorgio (magħruf bħala “Iċ-Ċiniż”) fejn dawn qegħdin jiffaċċjaw akkużi separati, iżda relatati maż-żewġ omiċidji.
Adrian Agius huwa mixli li ordna l-qtil, u allegatament għamel dan bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio.
Filwaqt li Robert Agius u George Degiorgio huma akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista.
L-akkużati qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella, u Anthony Vella, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.