Sunday, December 22, 2024

Il-ġurati jsibu li Kevin Micallef ma kienx f’sensih meta qatel lil ommu u lil zitu

Aqra wkoll

Tmienja mid-disa’ ġurati kkonkludew li Kevin Micallef ma kienx f’sensih fil-mument meta qatel lil ommu u lil zitu f’Ħal Għargħur f’Lulju tal-2018. 

Il-ġurati kienu semgħu x-xhieda ta’ psikjatri jiddeskrivu kif l-akkużat, kien konvint li ommu u zitu kienu qed jikkonfoffaw biex joqtluh u d-delużjoni tiegħu għadha tippersisti sal-lum.

Micallef fil-fatt kien jibża’ li huma kienu qed jitfgħulu xi ħaġa fil-kafè. Huwa kien allegatament sema’ lil Maria Carmela Fenech, li tiġi zitu, issaqsi lil ommu Antonia: “tgħid induna?”.

Micallef kien qal lill-pulizija li kien qabad sikkina twila mill-kċina u biha ta daqqiet lil zitu qabel imbagħad dar fuq ommu. Huwa mbagħad irrapporta b’dak li kien seħħ lill-pulizija.

L-esperti mediċi xehdu li Micallef kien konfuż u dak il-ħin ma rrealizzax bl-għemil tiegħu. Testijiet tad-demm kienu kkonfermaw dijanjożi “pjuttost tqila” tal-Huntington’s disease.

Dan, flimkien mal-psikożi, kien ifisser li fil-ħin tal-attakk, Micallef kien qed jaġixxi minħabba li ħaseb li qrabatu kienu qed jikkonfoffaw biex joqtluh.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li Micallef jinżamm f’Monte Carmeli taħt il-kura tal-psikjatra tiegħu.

Ekonomija

Sport