Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ċaħdet it-talba ta’ Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu” biex jiġi sospiż il-ġuri fil-konfront tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Alfred Degiorgio kien ilmenta li l-ġuri, li huwa appuntat għal Settembru, kellu jiġi pospost sakemm jinqata’ każ kostituzzjonali ieħor li ġie ppreżentat aktar kmieni dan ix-xahar.
Huwa qed jargumenta li fid-dawl ta’ dak li sejjaħ bħala “bumbardament ta’ stejjer” fuq l-aħbarijiet lokali u barranin, il-ġurati li se jkunu qed jisimgħu l-ġuri tiegħu setgħu jiġu influwenzati.
Iżda f’digriet mogħti l-ġimgħa li għaddiet mill-Imħallef Grazio Mercieca, intqal li hemm l-aspettattiva li f’każ bħal dan, l-imħallef sedenti fil-Qorti Kriminali jidderieġi lill-ġurati sabiex iżommu f’moħħhom il-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat.
L-Imħallef Mercieca kompla jgħid li l-ġurati għandhom ukoll jiddeterminaw il-ħtija jew l-innoċenza tiegħu skont il-provi mressqa mill-prosekuzzjoni u mhux ta’ x’semgħu jew qraw barra mill-Qorti.
“Ir-rikorrent (Alfred Degiorgio) jibża’ li l-ġurati sejrin jinjoraw direzzjoni bħal din. B’danakollu, mis-sentenza tal-Qorti Kriminali, jekk jinstab ħati, huwa jkollu kull dritt li jappella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali kemm-il darba ma jkollux smigħ xieraq.
“Dan apparti r-rimedji li tista’ tagħti din il-Qorti stess f’din il-kawża kostituzzjonali pendenti quddiemha f’każ li tinstab il-vjolazzjoni allegata minnu. F’każ li din il-Qorti tiċħad it-talba, hemm Qrati ogħla kemm f’Malta kif ukoll fi Strasburgu li għalihom huwa jkun jista’ jirrikorri jekk ikun il-każ,” sostna l-Imħallef Mercieca. “Għalhekk mhuwiex il-każ li sejjer isofri xi preġudizzju li ma jistax jissewwa.”
L-Imħallef osserva wkoll li l-ilment tiegħu seta’ tqanqal anke fi żmien bikri tal-kumpilazzjoni li ilha għaddejja iktar minn erba’ snin. “Ir-rikorrent, għal raġunijiet li jafhom hu, ħass li għandu jagħmel dan l-ilment meta kienet inħarġet l-Att ta’ Akkuża u hu imminenti li jinbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali.”
“Din il-Qorti temmen, li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, azzjoni ta’ din ix-xorta għandha tiġi eżerċitata fil-mument idoneu biex tiġi evitata l-konsegwenza li ġġib fix-xejn l-ingranaġġ ta’ proċeduri oħrajn meta dan seta’ jkun evitat b’mod tempestiv. Il-proċeduri li hemm pendenti issa, wara li nħarġet l-att ta’ akkuża, kienu prevedibbli minn żmien ilu.
“Dan qiegħed jingħad biss u limitatament għall-fini tat-talbiet li għandha quddiemha din il-Qorti f’dawn il-proċeduri, għax għall-bqija l-pretensjonijiet tar-rikorrent f’dan ir-rigward għad iridu jkunu eżaminati fis-sustanza tagħhom fil-kawża Kostituzzjonali pendenti quddiem din il-Qorti stess,” tenna l-Imħallef.
Punt ieħor f’dawn il-proċeduri li fil-fehma ta’ din il-Qorti kellu jingħata piż xieraq kien il-fatt li dan ir-rikors qiegħed isir minn wieħed minn żewġ ko-akkużati fil-proċeduri kriminali. Intqal li l-akkużat l-ieħor ma ħassx il-ħtieġa li jagħmel rikors simili.
“Il-fehma ta’ din il-Qorti talba simili taffettwa wkoll l-interessi tal-imputat l-ieħor. Fin-nuqqas ta’ rikors simili min-naħa tiegħu, il-Qorti ma tistax tippreżumi li huwa wkoll irid li l-proċeduri kriminali jieqfu bil-mod li qiegħed jitlob ir-rikorent b’dan ir-rikors.
“Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha din il-Qorti ma tistax ma tqisx l-interess tal-ko-imputat l-ieħor li l-proċeduri jimxu mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ il-proċeduri ordinarji m’għandhomx jiġu indebitament intralċjati u l-funzjonament tagħhom ipparalizzat.”
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Alfred Degiorgio.