Pajjiżna għamel avvanzi kbar bla preċedent fis-settur soċjali. Bla dubju, dawn l-avvanzi tejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna nies. B’danakollu, jitjieb kemm jitjieb il-qasam soċjali huwa fatt magħruf li xi problemi soċjali se jibqgħu hemm u dawn għandu jinstab mod kif jiġu indirizzati.
Ħadd ma jista’ jiċħad li għalkemm għadha ma ntrebħitx, il-ġlieda kontra l-prekarjat żgur li wasslet biex din il-problema tiġi mrażżna. U dan grazzi għall-interventi u l-ħidma li għamlu l-unjins f’dan il-qasam, li dejjem sabu l-appoġġ mill-Gvern, tant li kien għadda avviż legali li saħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema bil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur, li ġie estiż ukoll anke għall-ħaddiema tas-settur privat.
L-istess jista’ jingħad għall-problema tal-faqar. Ħadd ma jista’ jiċħad il-fatt li l-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħadem, kif għadu jaħdem, biex dawk il-familji mċaħħda mill-aktar affarijiet essenzjali, titjiebilhom il-qagħda tagħhom.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, għadu jidwi dak li kien qal is-sena l-oħra l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia li l-ġustizzja soċjali mhix u m’għandhiex tkun kwistjoni ta’ partit jew ta’ politika, imma għandha tkun ir-responsabbiltà kollettiva li tgħaqqad lill-poplu kollu bħala nazzjon.
Naqblu wkoll miegħu illi l-ġustizzja soċjali mhix xi kartellun li jappartjeni lil xi naħa jew oħra imma li soċjetà ġusta tgħix minn politika li tqiegħed lill-persuna fil-qofol tad-deċiżjonijiet tagħha u li tindirizza l-inugwaljanzi strutturali b’mod preventiv aktar milli reattiv.
Il-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex il-pjagi soċjali jitnaqqsu. Dan huwa rifless ta’ kull sena fil-budget li jiġi ppreżentat, b’sensiela ta’ miżuri soċjali li jgħinu b’mod partikolari liż-żgħir u lill-batut. Huwa għalhekk li l-ġustizzja soċjali hi l-mod ta’ kif pajjiż jista’ jkun ħanin ma’ dawk li jifilħu l-inqas.
Għaldaqstant, filwaqt li nhar il-Ġimgħa li ġej se jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Ġustizzja Soċjali, ikun tajjeb ukoll li dan il-jum infakkruh ukoll f’pajjiżna. Dan għaliex mingħajr ġustizzja soċjali, il-ħaddiem jitlef id-dinjità tiegħu u jibqa’ nieqes mill-progress materjali u soċjali li jkun qed isir fil-pajjiż.

