Wednesday, February 19, 2025

IL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI INDISPENSABBLI GĦALL-KISBA TAL-PROGRESS U S-SLIEM

Aqra wkoll

Il-ġustizzja soċjali hi wieħed mill-prinċipji bażiċi li fuqhom huwa mibni l-Partit Laburista. Tant li dan il-prinċipju huwa rifless ta’ kull sena fil-budget li jippreżenta l-Gvern Laburista, b’sensiela ta’ miżuri soċjali li jgħinu b’mod partikolari liż-żgħir u lill-batut. Dan għaliex mingħajr il-ġustizzja soċjali fil-pajjiż tirrenja l-liġi tal-ġungla li min jaqla’ ħafna jkompli jistagħna filwaqt li ż-żgħir jibqa’ jittewweb. Għalhekk il-ġustizzja soċjali hija mod kif pajjiż jista’ jkun ħanin ma’ dawk li jifilħu l-inqas. 

Il-ġustizzja hija rikonoxxuta minn bosta pajjiżi. Għalhekk ma kienx sorpriża li n-Nazzjonijiet Magħquda stess tiddedika jum internazzjonali għall-Ġustizzja Soċjali li jiġi ċċelebrat nhar l-20 ta’ Frar ta’ kull sena. 

Dan il-jum internazzjonali, din is-sena, għandu l-għan li jsaħħaħ it-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli u jiżgura l-vjaġġ lejn ekonomiji li jniġġżu mill-inqas, għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Għalhekk huwa tajjeb li l-ġustizzja soċjali tiġi mwaħħda mat-tħaris tal-ambjent. Dan għaliex il-ġustizzja soċjali ma tfissirx biss il-benefiċċji soċjali imma wkoll miżuri li jagħmlu l-ħajja tan-nies dejjem aħjar. 

B’azzjoni kollettiva u politika inklussiva, jista’ jinħoloq futur fejn l-integrita’ ambjentali u l-ugwaljanza jimxu id f’id, u jiffurmaw il-pedament għal ekonomija globali sostenibbli u ġusta.

L-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) b’mod unanimu kienet adottat id-Dikjarazzjoni fuq il-Ġstizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġsta fl-10 ta’ Ġnju ta’ 17-il sena ilu. Din id-dikjarazzjoni hija t-tielet prinċipju maġġuri li adottat l-ILO sa mit-twaqqif tagħha fl-1919. Din tirrijafferma b’mod qawwi l-valuri tal-ILO, fejn jidħlu d-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema. 

F’dan il-kuntest ukoll, il-General Workers’ Union, bħala għaqda tal-ħaddiema, minn dejjem kienet fuq quddiem nett mhux biss biex tipproteġi imma biex tkabbar u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna. Fil-fatt, bħala l-akbar trade union f’pajjiżna, hija l-vuċi tal-ħaddiema lokali fl-Assemblea Ġnerali annwali tal-ILO. Din l-Assemblea tirrikonoxxi l-iżvilupp u l-ġustizzja soċjali bħala indispensabbli għall-kisba tal-progress u għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà bejn in-nazzjonijiet kollha. 

Għalhekk huwa tajjeb li dan il-jum internazzjonali nfakkruh ukoll f’pajjiżna, għaliex mingħajr ġustizzja soċjali, il-ħaddiem jitlef id-dinjità tiegħu, u jibqa’ nieqes mill-progress materjali u soċjali li jkun qed isir fil-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport