L-Ewroparlamentari Daniel Attard meta kkummenta ma’ IT-TORĊA dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward ta’ Jeremy Harbinson, iddikjara li “nixtieq nibda billi nistaqsi sett ta’ mistoqsijiet sempliċi: Il-prinċipji fundamentali japplikaw għal kulħadd… jew japplikaw biss skont min hu l-akkużat? Nemmnu fil-preżunzjoni tal-innoċenza?
Nemmnu fid-dritt għal smigħ xieraq? U x’inhu smigħ xieraq eżatt? Dan żgur li mhux proċess mibni fuq rapport li l-awtur tiegħu ma jidhirx biex jixhed fuqu. U nemmnu fil-prinċipju li ġustizzja li ddum, hija ġustizzja miċħuda? Għax dan hu l-qofol ta’ fejn wasalna.”
Enfasizza li “l-espert ewlieni li fuqu nbniet din il-kawża – li tħallas miljuni minn flus il-poplu – reġa’ ma deherx u dan minkejja li ngħata l-possibbiltà jixhed virtwalment, mill-kumdità ta’ pajjiżu stess. Naħseb issa wasal iż-żmien li nwaqqfu l-iskużi. Jekk mhux se jivvjaġġa, seta’ jixhed online. Jekk mhux se jidher fiżikament, seta’ jwieġeb mistoqsijiet mill-bogħod. Imma lanqas hekk.U allura l-mistoqsija serja hija din: Min verament kiteb il-konklużjonijiet? Kien Harbinson tassew? Jaf x’fihom u lest jiddefendihom? Jew hemm xi ħaġa li ma tistax tgħaddi minn skrutinju serju? Fl-affidavit tiegħu stess qal li r-rapport tiegħu ma kienx maħsub biex jintuża għall-prosekuzzjoni. Dik mhix interpretazzjoni jew analiżi politika tiegħi tafux. Din hija dikjarazzjoni tiegħu taħt ġurament.”
Ikompli jgħid li “allura llum irridu nistaqsu: dik kienet salvagwardja biex ineħħi r-responsabbiltà minn fuqu? Qed jibża’ jixhed? Jew sempliċement ma jistax jiddefendi dak li ġie attribwit lilu?”
“U dan kollu fuq każ li diġà ġab miegħu ħsara kbira fuq nies u fuq familji li ilhom xhur jgħixu taħt piż li ma jistħoqqilhomx. Ir-reputazzjonijiet tagħhom imtebbgħin. Il-ħajja tagħhom sospiża. Il-preżunzjoni tal-innoċenza għalihom imkissra totalment, minkejja li fil-liġi suppost tibqa’ sagra.”
Jiddikjara li “u għalhekk nerġa’ mmur għall-qofol tal-argument kollu: Il-prinċipji fundamentali ma jistgħux jiġu applikati b’mod selettiv. Ma jistgħux jiġu applikati skont min hu l-akkużat jew skont min hu konvenjenti li jiġi attakkat, iżda skont dak li hu ġust u korrett. Joseph Muscat u l-bqija ta’ sħabna akkużati intortament diġà għaddew minn persekuzzjoni politika”
“Issa ma nistgħux inħallu li tiżdied magħha diskriminazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġi. Biżżejjed dewmien. Biżżejjed logħob. Il-ġustizzja trid tkun tassew ġusta, u mhux strument f’idejn min irid jagħmel il-ħsara. Il-prinċipji għandhom japplikaw għal kulħadd l-istess u mhux għal min jaqbel biss. Kif dejjem sħaqt: ġustizzja iva iżda persekuzzjoni le.”


