Il-Ministeru tas-Saħħa u Anzjanità Attiva qal li minħabba l-azzjonijiet ordnati mill-MAM, il-Gvern se jkun qiegħed jassigura li l-kura taċ-ċittadini tiġi salvagwardjata.
Filwaqt li jirrispetta d-dritt ta’ azzjoni industrijali mill-MAM, il-Gvern qatt ma jista’ jaċċetta li l-pazjenti jkunu vittmi ta’ din it-tilwima.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-Gvern hu determinat li jkun hu li jġorr il-piż tal-azzjonijiet. B’hekk, biex servizzi essenzjali ta’ saħħa fil-komunità jibqgħu jiġu mogħtija fl-akbar firxa possibbli, u sabiex jiġi protett is-servizz fl-Isptar Mater Dei, il-Gvern qiegħed jitlob l-istituzzjonijiet ta’ saħħa privati, li magħhom huwa għandu ftehim, sabiex jipprovdu huma ċerti servizzi sakemm it-tilwima industrijali tiġi riżolta. Il-Gvern jibqa’ kommess lejn li jinstabu s-soluzzjonijiet kollha neċessarji b’rispett lejn il-ħaddiema imma fuq kollox il-pazjenti tas-saħħa pubblika, f’kull waqt u f’kull mument.
Għaldaqstant, peress li fil-ġurnata tal-lum, il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 2025 hija prevista interruzzjoni temporanja tas-servizzi tat-tabib tal-familja fil-kliniċi tal-gvern tal-Gżira, Bormla, Ħal Kirkop, Birkirkara u Ħal Qormi, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ser idaħħal miżura mħallsa kompletament mill-Gvern biex iħares l-interess u l-bżonn tal-pazjent, skont ftehim iffirmat mal-privat fl-2024. Għalhekk, il-Ministeru jixtieq jinforma lill-pubbliku bis-segwenti:
1. Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 99889223. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar ta’ Capua f’Tas-Sliema;
2. Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 99889223. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar St James;
3. Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 79491500. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar Da Vinci;
4. Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 77482480. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar St Thomas.
Dan is-servizz se jkun miftuħ bejn it-08.00 a.m. u s-14.00 p.m.
Il-pubbliku huwa infurmat li s-servizzi fiċ-Ċentri tas-Saħħa li jingħataw minn infermiera flimkien mas-servizzi tal-POC Clinics (INR għall-warfarina) ħa jkomplu għaddejjin normali.
Il-Gvern ħa nota tat-talbiet tal-MAM tul ħamsa u tletin siegħa ta’ diskussjonijiet u negozjati. Peress li kif taf sew din il-union, il-Gvern dejjem joffri impjieg għal kull tabib li dispost jaħdem fis-servizz pubbliku u jinvesti b’mod konsistenti u b’serjetà fit-taħriġ u speċjalizzar tat-tobba, jifhem li minkejja dawn l-isforzi kollha (li jinkludu gradwati ta’ Barts t’Għawdex) xorta hemm bżonn ta’ aktar tobba u għalhekk qed jesplora kull possibilità oħra li jattira aktar tobba.