Fil-bidu tal-maratona ta’ Puttinu Cares, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, kien qed jikkontribwixxi s-somma ta’ €100,000 lil Puttinu Cares.
“Ilbieraħ sfortunatament kellna l-mixja li ma saritx. Imma tajna wkoll donazzjoni biex nagħmlu tajjeb għall-fatt li din l-attività ġiet kanċellata – is-somma ta’ €50,000. Illum, mill-Fondi għall-Kawżi Soċjali, qiegħed ukoll ngħaddi s-somma ta’ €50,000 oħra. Jiġifieri total ta’ €100,000,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela tenna li “llum qed niċċelebraw festa ta’ solidarjetà, bejn tant persuni li bħalissa għaddejjin mit-trattament u oħrajn li huma mfejqa. Attività bħal din tirrispekkja fiha l-għaqda nazzjonali, li tagħmilna nazzjon tant kburi li huwa magħġun fil-valur tant b’saħħtu tal-empatija, li d-diffikultajiet ta’ ħaddieħor nagħmluhom tagħna. Ngħinu biex nerfgħu parti mill-piż ta’ dak is-salib. Għalhekk jien kburi ħafna bil-poplu Malti u Għawdxi bil-valur tas-solidarjetà li għandu.”

