Thursday, December 26, 2024

IL-GVERN B’GĦAJNUNA AKBAR LIL KOPPJI ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Is-settur tal-proprjetà f’pajjiżna huwa pilastru fl-ekonomija ta’ pajjiżna u huwa kruċjali li jibqa’ wieħed b’saħħtu. Jixhed dan l-ammont ta’ konvenji u kuntratti li qed jiġu rreġistrati f’Malta u Għawdex li minn sena għall-oħra dejjem qed jiżdiedu.

Il-Gvern irrikonoxxa l-importanza ta’ dan is-settur u daħħal fih element soċjali li minnu qed igawdu sezzjonijiet varji tas-soċjetà b’mod partikolari l-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-aktar dawk li se jixtru proprjetà u jsiru sidien ta’ djarhom għall-ewwel jew it-tieni darba.

Minkejja li għadna ma ħriġniex mill-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, din l-industrija baqgħet waħda sostenibbli, anke minkejja l-għoli fil-prezz tal-art u tal-bini. Għalhekk wieħed jikkonferma kemm l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern hija importanti kemm għal min jixtri u anke għal min ibigħ. 

Dan l-iżvilupp jirrifletti li l-ġid tal-pajjiż qiegħed dejjem jikber fejn aktar nies qed ikunu inkoraġġiti biex isiru sidien ta’ djarhom u qed isibu kull għajnuna li għandhom bżonn.

Ta’ importanza kbira kienet l-għajnuna mogħtija mill-Gvern, anke permezz ta’ inċentivi li kienu hemmhekk u se jiġu msaħħa minn Jannar li ġej. 

Kien proprju Gvern Laburista li fl-ewwel leġiżlatura tiegħu introduċa miżuri li minnhom ibbenefikaw dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom (il-first time buyers). 

Kif wiegħed, dan il-Gvern se jintroduċi għall-ewwel darba għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ 10 snin lil kull first time buyer li jakkwista proprjetà ta’ valur li ma jaqbiżx il-€500,000.

Nirrikonoxxu li l-Gvern ma waqafx hemm tant li introduċa wkoll skemi t’għajnuniet oħra fosthom għal dawk li se jkunu qed jixtru t-tieni proprjetà tagħhom u għal dawk li jixtru proprjetà f’Għawdex. Ma’ dawn hemm ukoll inċentivi għal min jirrestawra proprjetajiet antiki jew dawk li jixtru f’żona ta’ konservazzjoni urbana. 

Nemmnu li dawn l-inizjattivi se jagħtu nifs qawwi partikolarment liż-żgħażagħ Maltin biex huma wkoll isiru sidien ta’ djarhom u jkollhom fejn jibnu familja. 

Nifhmu li f’dan l-isfond, il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar qed tkun pro-attiva billi qed tikkumplimenta dawn il-benefiċċji billi hi stess toffri akkomodazzjoni soċjali u affordabbli għal dawk li m’għandhomx mezzi waħedhom biex ikunu jistgħu jixtru.

Dan kollu ħaqqu kull tifħir illi pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu l-poplu qiegħed dejjem jiżviluppa u jmur għal ħajja aktar diċenti u ta’ kwalità.

Ekonomija

Sport