Sunday, October 12, 2025

Il-Gvern b’għotja ta’ €15,000 biex jiffinanzja t-taħriġ ta’ service dog ieħor

Aqra wkoll

Is-Service Dogs Malta Foundation organizzaw seminar bil-għan li jagħti aktar għarfien u informazzjoni dwar is-service dogs fil-komunità, partikolarment sabiex joħroġ il-messaġġ li dawn it-tip ta’ klieb mhumiex biss kelb gwida. Dan sar permezz ta’ investiment ta’ kważi €5,000 bħala parti mill-fondi allokati mis-Small Initiatives Support Scheme (SIS) amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). 

Mistiedna għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. 

Is-seminar, bit-tema ‘Service Dogs in our everyday lives – looking into the future’, inkludiet għadd ta’ esperjenzi minn persuni li jagħmlu użu minn dawn is-service dogs u interventi ta’ esperti minn dan il-qasam, fosthom minn Jennifer Ceia, Direttur għat-Taħriġ u Placement tal-Klieb ta’ Assistenza miċ-ċentru ta’ Silver Centre f’Zagreb, il-Kroazja. Kien hemm ukoll interventi mill-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat Julia Farrugia, mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo, mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland u anki mill-Aġenzija Sapport.

Fl-intervent tal-għeluq, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ħabbret kif il-Gvern se jkun qed jalloka €15,000 biex jiffinanzja t-taħriġ ta’ service dog ieħor f’pajjiżna.

“Din l-għotja tfisser pass importanti li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċità lokali biex nipprovdu dawn is-servizzi speċjalizzati. Dawn il-klieb ma jagħtux biss assistenza prattika lil persuni b’diżabilità, imma wkoll jagħtu sigurtà, indipendenza u kumpanija emozzjonali. Il-benefiċċji tagħhom imorru lil hinn mill-għajnuna fiżika hekk kif dawn il-klieb jgħinu biex il-persuna tħossha parti sħiħa mis-soċjetà u tgħix ħajja b’dinjità u rispett,” temmet tgħid il-Ministru, filwaqt li rringrazzjat lis-Service Dogs Malta Foundation għall-ħidma u l-impenn kontinwu tagħhom biex jippromovu l-inklużjoni u joffru appoġġ konkret lil persuni b’diżabilità fil-komunità tagħna.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Joseph Stafrace, kofundatur u Operations Manager tas-Service Dogs Malta Foundation, saħaq kif permezz tal-għajnuna finanzjarja li qegħdin nirċievu mingħand il-Ministeru kif ukoll mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, is-Service Dogs Malta Foundation se tkun f’pożizzjoni li tkompli toffri l-assistenza tagħha biex jitħarrġu iktar klieb li jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li għandhom bżonn. Barra minn hekk, il-konferenza tal-lum tat l-opportunità lil numru ta’ service users jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, kif ukoll ingħataw tagħrif dwar il-kura u l-benefiċċji li joffru s-service dogs.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport