Tuesday, December 24, 2024

Il-Gvern bi dħul ta’ €5,100 miljun fl-ewwel 11-il xahar tal-2022

Aqra wkoll

L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO ħabbar li bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena l-Gvern għamel dħul ta’ €5,100 miljun. Dan ifisser 12 fil-mija aktar meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Ir-riżultati pubblikati mill-NSO juru li l-akbar żieda ġiet irreġistrata fid-dħul mill-VAT fejn il-Gvern daħħal mitejn sitta u tletin miljun ewro, filwaqt li mill-income tax daħħal mija u disgħin miljun ewro. Mis-Sigurtà Soċjali l-Gvern kellu dħul ta’ wieħed u erbgħin miljun ewro.

Jekk wieħed imbgħad jara r-riżultati fuq l-ispiża, fl-istess perjodu, il-Gvern nefaq ħamest elef u seba mitt miljun ewro, kważi €135 miljun iktar mis-sena li għaddiet.

In-nefqa tal-Gvern kbiret minħabba li qed jagħti għajnuna lill-familji u negozji f’sussidju għall-enerġija minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet internazzjonali.

Madanakollu, l-ispiża kapitali tal-Gvern naqset u fl-ewwel 11-il xahar tas-sena kienet tammonta għal ftit iktar minn ħames mija u ħamsin miljun ewro, jiġifieri sebgħa u ħamsin miljun ewro inqas mill-2021.

Skont l-NSO dan it-tnaqqis ġej minn spiża ferm inqas fit-toroq, il-propjetajiet tal-gvern, u tal-apparat mixtri mill-Gvern matul l-aħħar sena.
L-NSO qalet li l-finanzi pubbliċi wasslu għal defiċit ta’ sitt mija u għoxrin miljun ewro. Imqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, kien irreġistrat tnaqqis ta’ kważi ħames mitt miljun ewro f’dak li huwa defiċit tal-Gvern.

Ekonomija

Sport