Aktar minn 300 uffiċjal pubbliku u 400 uffiċjali tal-forzi tal-pulizija ġew imħarrġa mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem b’taħriġ iffukat fuq il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-esklużjoni. Saħqet dan is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg waqt konferenza tal-għeluq tal-proġett SKIN – ‘Strengthening of Knowledge on Integration and Non-Discrimination’ – immexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) u kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tenniet fuq kif il-Gvern qed jindirizza din il-problema soċjali u qed jara li jiżgura li dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku jkunu sensittivi u kapaċi jirrispondu b’mod professjonali għal każijiet ta’ diskriminazzjoni.
“Permezz ta’ dan il-proġett, immexxi mill-Kummissjoni, rajna l-esperjenzi ta’ dawk li qed jiġu diskriminati sempliċiment minħabba l-kulur differenti tal-ġilda tagħhom – xi ħaġa li hija inaċċettabbli. L-investiment mill-Gvern, inkluż it-taħriġ speċjalizzat lill-uffiċjali pubbliċi, jixhed l-importanza li qed nagħtu bħala pajjiż lil dan il-fenomenu. Żgur li d-diskriminazzjoni u r-razziżmu m’għandhomx post f’pajjiżna,” qalet Rebecca Buttigieg.
Il-Kummissarju tal-NCPE, Renee Laiviera, saħqet li l-proġett SKIN kien ibbażat fuq evidenza riċerkata – fosthom is-sejbiet tal-istħarriġ EU-MIDIS II mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u tal-Eurobarometer 2023 – li juru l-prevalenza ta’ diskriminazzjoni kontra persuni ta’ dixxendenza Afrikana u minoranzi Musulmani f’Malta, b’mod partikolari fl-impjieg, l-edukazzjoni, is-servizzi u l-akkomodazzjoni.
Intant, Laiviera żiedet tgħid li l-ħidma tal-NCPE kienet maħsuba biex tidentifika ostakli reali, tqajjem kuxjenza u tipprovdi għodod konkreti biex jiġi promoss ambjent aktar ġust u inklużiv.