Saturday, May 4, 2024

Il-Gvern b’inċentivi għall-istudenti li jidħlu għall-kors ta’ ħaddiema soċjali

Żieda ta’ aktar minn €800 kull sena akkademika fl-istipendji…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-professjoni ta’ ħaddiema soċjali hija ta’ sostenn importanti għall-persuni vulnerabbli u għas-soċjetà inġenerali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li pajjiż ikollu persuni kwalifikati kif xieraq f’dan is-settur. Dan ix-xogħol, barra li jirrikjedi dedikazzjoni, jinvolvi aspetti li għalihom hemm bżonn ta’ taħriġ speċifiku. Tali taħriġ ta’ livell għoli jingħata f’kors apposta mill-Istat.

L-istudenti f’Malta, differenti minn pajjiżi oħra, jingħataw stipendju biex ikomplu bl-istudji tagħhom. Din m’għandniex neħduha bħala mogħtija hekk kif meta wieħed iħares jew jitkellem ma’ ġenituri barranin, l-edukazzjoni ta’ wliedhom tiswihom ħafna flus. F’Malta, l-istudenti tagħna mhux talli ma jħallsux għall-edukazzjoni tagħhom, talli jingħataw stipendji bħala għajnuna adizzjonali u inċentiv biex ikomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom sal-livell terzjarju u min irid ikompli, anke f’livell ta’ Masters.

Proprju rigward inċentivi, il-Gvern ħabbar ir-Riforma tal-Korsijiet Preskritti u ta’ Prijorità Għolja li grazzi għal din ir-riforma, il-kors tal-ħaddiema soċjali ġie elevat minn wieħed eliġibbli għal general stipend ta’ €106.91 għal kors Preskritt li jfisser stipendju ta’ €187.09.

Fir-rigward il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ta informazzjoni dwar iż-żieda fl-istipendju għall-istudenti li jidħlu għall-kors ta’ ħaddiema soċjali. Din hija ta’ €80.18, ekwivalenti għal żieda ta’ xejn inqas minn €801.80 kull sena akkademika.

Aktar investiment… Minnu mistennija jibbenefikaw 4,400 student fi 48 kors

Il-Ministru Grima ġie mistoqsi mid-deputat tal-Oppożizzjoni, Graziella Attard Previ, jekk iż-żieda fl-istipendju ta’ €64 hiex ta’ inċentiv biżżejjed biex tattira żgħażagħ għall-kors ta’ social worker. Iżda mhux biss, Attard Previ fil-parlament staqsiet jekk jagħmilx sens li din iż-żieda titħabbar fit-30 ta’ Settembru meta l-istudenti jibdew il-kors fil-bidu ta’ Ottubru.
Filwaqt li ġie ppreċiżat li ż-żieda f’dan il-kors mhiex ta’ €64 kif sostniet Attard Previ, iżda ta’ €80.18, il-Ministru Grima ġibdilha wkoll l-attenzjoni li r-Riforma tal-Korsijiet Preskritti u ta’ Priorijita Għolja hija intiża biex tagħti direzzjoni u tgħin addizzjonalment dawk il-korsijiet li l-pajjiż għandu ħtieġa għalihom.

Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima, fakkar li l-ħidma tal-Gvern fis-settur edukattiv qiegħda tkompli tisssaħħaħ hekk kif “fuq it-tliet snin li ġejjin, il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €6.5 miljuni li minnhom huwa stmat li se jibbenifikaw madwar 4,400 student fi 48 kors Preskritt jew ta’ Prijorità għolja”.

Sport