F’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul taw ħarsa lejn ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali li qed jressaq ’il quddiem il-gvern u li ser tkun qed tibda d-diskussjoni parlamentari dwarha nhar it-Tlieta 11 ta’ Frar 2025.
Il-Ministru Jonathan Attard ta preżentazzjoni dettaljata tar-riforma tal-inkjesti maġisterjali. Riforma li mhu se ċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja hekk kif mhu se jiġi mittiefes l-ebda jedd ta’ kull ċittadin. Fil-fatt, il-bidla se tkun qed tħares lejn diversi aspetti fil-proċess billi jiġu introdotti salvagwardji li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, tiżdied il-kontabbiltà fil-proċess u jingħataw drittijiet statutorji ġodda lill-vittmi u qrabathom, u saħansitra televa l-proċess għal Imħallef li jippresjedi Qorti Kriminali fir-rigward ta’ talbiet għall-inkjesti miċ-ċittadin privat.
Huwa spjega kif, fost l-oħrajn, din ir-riforma ser tikkristalizza l-irwol tal-maġistrat u l-irwol tal-esperti fil-proċess tal-inkjesti u dan biex ikun assigurat li l-proċess ma jkunx imptappan minn dubji meta jipproċedi għall-istadji sussegwenti. Il-ministru saħaq ukoll li ser jiġu introdotti drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, primarjament billi jkollhom dritt ikunu infurmati b’ċerta informazzjoni safejn hu legalment sostenibbli dwar l-andament tal-inkjesta, kif ukoll jingħataw kopji b’xejn tal-proċess verbal.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li permezz ta’ dawn l-emendi ser ikun assigurat li jissaħħu d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-inkjesti maġisterjali. “F’pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt għandna naċċertaw ruħna li kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja, imma fl-istess waqt irid ikun hemm is-salvagwardji neċessarji biex nevitaw li jkun hemm persuni jew kumpaniji li jispiċċaw vittma ta’ min jabbuża mis-sistema legali għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-ġustizzja.” Il-ministru kompla jgħid li talba għall-inkjesta maġisterjali fuq inizjattiva taċ-ċittadin privat m’għandhiex tintuża bħala għodda ta’ persekuzzjoni fuq ħadd, inkluż entitajiet kummerċjali hekk kif din tista’ twassal għal riperkussjonijiet ekonomiċi.
“Din ir-riforma hija mibnija fuq diversi rakkomandazzjonijiet li saru matul is-snin minn varji kummissjonijiet lokali u internazzjonali, li tieħu kont tal-pronunzjamenti tal-qrati tagħna u li tieħu kont ta’ ċertu sitwazzjonijiet inġusti li tkellmu dwarhom il-vittmi jew qrabathom. Madanakollu, se nkunu qed nidħlu għad-dibattitu parlamentari, bl-istess approċċ li dejjem nieħdu u ċioè dak li proposti msejsa fuq ir-rieda tajba u s-sens ta’ ġustizzja, jistgħu jwasslu biex l-abbozz ta’ liġi jkompli jkun imsaħħaħ,” temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li din ir-riforma se tkun qed tassigura ġustizzja xierqa filwaqt li tnaqqas l-abbuż. Qal li l-ġustizzja għandha dejjem titwettaq f’parametri ta’ ċertezza legali biex jiġi assigurat li ma tinħoloqx tbatija inġusta fuq kwalunkwe ċittadin.
Dwar il-bidliet proposti, fosthom l-introduzzjoni ta’ obbligu ġdid għall-esperti u drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, is-segretarju parlamentari sostna li dawn se jkunu qed jaraw li l-inkjesti jsiru b’mod rett u b’kontabbiltà sħiħa. “B’din ir-riforma qed naraw li mhux biss issir il-ġustizzja, iżda li din ssir bl-aktar mod ġust u serju. Hekk titlob ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u hekk titlob governanza tajba,” sostna s-segretarju parlamentari. Huwa temm jgħid li dan id-djalogu mal-imsieħba soċjali żgur se jkun qed iħalli l-frott u jwassal għal riforma li verament tkun waħda li tħares id-drittijiet ta’ kull ċittadin.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, li min-naħa tiegħu saħaq kif il-ħtieġa għal din ir-riforma ilha tiġi senjalata mill-qrati tagħna, kif ukoll minn diversi rapporti inkluż mill-istess Kummissjoni tal-Liġijiet.