Friday, December 13, 2024

Il-Gvern Ġappuniż impenjat li jiftaħ ambaxxata f’Malta

Aqra wkoll

“Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li bħalissa għaddejjin b’diskussjonijiet u l-Gvern Ġappuniż qed juri impenn sabiex fiż-żmien qarib jiftaħ Ambaxxata tal-Ġappun f’Malta.” Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt żjara uffiċjali fil-Belt Kapitali ta’ Tokyo fil-Ġappun.

Waqt laqgħa mal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija bejn il-Ġappun u Malta, il-Ministru Borg qal li dan huwa tassew pass importanti ’l quddiem għar-relazzjonijiet bilaterali ta’ pajjiżna ma’ pajjiż daqstant importanti. Huwa essenzjali li nkomplu nsaħħu dawn ir-relazzjonijiet li minnhom igawdu ż-żewġ popli.

Matul din iż-żjara uffiċjali fil-Ġappun, il-Ministru Borg kellu laqgħa mal-Fondazzjoni Nippon. Waqt diskussjoni maċ-Chairman Yōhei Sasakawa, ingħad kif Malta dejjem kellha rwol pożittiv fuq fora multilaterali fejn tidħol id-diplomazija klimatika. Mas-Sur Sasakawa, Dr Borg spjega wkoll l-irwol li Malta se jkollha fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, b’mod speċjali matul il-Presidenza fi Frar 2023. Huwa tenna li Malta se tkun qed tara li tingħata attenzjoni partikolari fuq l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS). Fl-aħħar snin din il-fondazzjoni kkontribwixxiet lejn 66 borża ta’ studju biex studenti minn madwar id-dinja jiġu f’pajjiżna u jistudjaw fl-Istitut tal-Liġi Marittima Nazzjonali (IMLI).

Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Konfederazzjoni tal-Kummerċ tal-Ġappun. Id-diskussjonijet iffukaw l-aktar fuq l-esportazzjoni tat-tonn Malti lejn dan is-suq. Il-ministru sostna li bħalma huwa suċċess dan is-settur, hemm bżonn li tibda ħidma sabiex naraw li dan is-suċċess ikun ukoll f’setturi u prodotti oħra. Huwa tenna li, “Malta għandha ħafna aktar x’toffri bħall-industrija tas-servizzi, farmaċewtika, loġistika, marittimu u avjazzjoni fost oħrajn. Irridu naraw li r-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi tkompli titkattar.”

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kellu wkoll żjara fl-Expo tat-Turiżmu, fejn fost oħrajn Malta għandha l-istand tagħha biex tkompli tippromwovi aktar turiżmu lejn pajjiżna. F’laqgħa maċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Ġappuniża għall-Aġenziji tal-Ivvjaġġar Hiroyuki Takahashi, ġiet diskussa l-kollaborazzjoni u opportunitajiet li jeżistu u oħrajn li jista’ jkollna biex jissaħħaħ it-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi. Qabel il-pandemija, Malta kienet tospita madwar 25,000 turist u 4,000 student tal-Ingliż Ġappuniż fis-sena.

Fiż-żjara tiegħu l-Ministru kellu l-opportunità li jżur wkoll is-suq tal-ħut ta’ Tokyo fejn seta’ jsegwi rkant tat-tonn. Hu tkellem ma’ numru ta’ importaturi tat-tonn Malti dwar is-suċċess li l-prodott Malti għandu fil-Ġappun.

Ekonomija

Sport