Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li mill-2017 sal-2024, il-Gvern iffinanzja lil Malta Community Chest Fund bi kważi €120 miljun. Is-sena li għaddiet biss, il-Gvern iffinanzja lill-MCCF b’€27 miljun.
“Dawn il-flejjes kollha jfissru ħafna mediċini. Mediċini innovattivi li x-xogħol għar-regolarizzazzjoni ta’ dawn il-mediċini jrid isir mill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini,” sostna l-Ministru Abela fil-Parlament meta kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Mediċini. Bit-tibdil propost, se jkun qed jiġi estiż it-terminu li l-Awtorità għandha biex tippreżenta l-kontijiet tagħha awditjati, minn terminu ta’ sitt ġimgħat għal 14-il ġimgħa.
Il-Ministru Abela qal li kulħadd jaf kemm din l-awtorità hi waħda produttiva u li kompliet tikber tul dawn l-aħħar snin fejn bħalissa tħaddem xejn inqas minn 131 impjegati.
“L-attività tal-Awtorità żdiedet. Żdied id-dħul, żdiedet in-nefqa u żdiedu l-pagi. Dawn l-aspetti pożittivi kollha li joħorġu dwar l-Awtorità jeżiġu li jkun hemm żmien addizzjonali għal rikonċiljazzjoni tal-kontijiet fl-aħħar tas-sena. It-terminu kurrenti ta’ sitt ġimgħat ma jirriżultax li huwa realistiku sabiex jiżgura awditjar ta’ kwalità għolja,” qal il-Ministru Abela.
Dwar l-Iskema Nazzjonali tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC), il-Ministru Abela semma kif fl-2009 kien hemm 191 prodott filwaqt li din is-sena, l-għadd ta’ prodotti f’din l-iskema tela’ għal 1,029. “L-ispiża biex weħed jasal għal din l-espansjoni żdied b’mod fenomenali. Fejn fl-2013 in-nefqa fil-POYC kienet ftit aktar minn €5 miljun, din is-sena, l-ispiża telgħet għal €25 miljun.”
Huwa kompla biex spjega kif l-Awtorità mhux biss taħdem fil-qasam tar-regolarizzazzjoni imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-intelligence tal-prezzijiet fis-suq. Kien hawn fejn qal li mill-2020 sal-2024 daħlu f’pajjiżna 30 mediċina tat-tip ġenerika ġdida.
“L-Awtorità taħdem ukoll biex kemm jista’ jkun il-prezzijiet ikunu idonei. Permezz ta’ intiża bejn il-Gvern, tramite l-Awtorità u l-farmaċiji privati, fl-aħħar erba’ snin traħħsu l-prezzijiet ta’ mhux inqas minn 96 mediċina li huma offruti fis-suq tagħna privat,” temm jgħid il-Ministru Abela.