Friday, March 6, 2026

Il-Gvern iħabbar għajnuna ta’ kważi €330,000 lil 60 għaqda volontarja

Aqra wkoll

Il-konsegwenzi tal-Maltempata Harry, li laqtgħet lill-gżejjer Maltin aktar kmieni din is-sena, għall-għaqdiet volontarji lokali rriżultaw varji. Dan minħabba li ħafna minnhom sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn kellhom iwaqqfu jew inaqqsu drastikament l-attivitajiet tagħhom.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet tilfu tagħmir essenzjali, sofrew ħsarat fil-postijiet minn fejn joperaw u kellhom jerġgħu jippjanaw servizzi u inizjattivi li kienu diġà skedati. Dan wassal biex diversi komunitajiet spiċċaw temporanjament mingħajr l-appoġġ regolari li jiddependu fuqu, filwaqt li l-volontiera kellhom jiffaċċjaw piż addizzjonali biex jerġgħu jqiegħdu lill-għaqdiet tagħhom fuq pedament stabbli. Il-Gvern mill-ewwel kien qal li se jgħin.

Fil-fatt, wara sejħa immedjata għall-għaqdiet volontarji, irriżulta li kien hemm total ta’ 60 organizzazzjoni volontarja li rrapportaw danni. Għal dan il-għan, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ħabbret li qiegħed jiġi allokat total ta’ kważi €330,000. Hija għamlet dan waqt żjarat li saru fis-Sliema Aquatic Sports Club u RMJ Horse Rescue – żewġ għaqdiet li ġew milquta drastikament minn din il-Maltempa. 

Appoġġ finanzjarju meħtieġ

Il-proċess ta’ appoġġ finanzjarju beda b’reġistrazzjoni formali tal-ħsarat min-naħa tal-għaqdiet volontarji, wara sejħa maħruġa mill-MCVS. Din is-sejħa tat l-opportunità lill-għaqdiet kollha li sofrew danni jew tfixkil fl-operat tagħhom minħabba l-Maltempata Harry, kemm f’termini ta’ bini, tagħmir, siti ta’ proġetti, riżorsi tal-volontiera jew programmi fil-komunità, biex jiddikjaraw il-ħsarat u jitolbu l-għajnuna meħtieġa. 

Mill-informazzjoni mogħtija, l-appoġġ finanzjarju qiegħed jingħata skont parametri ċari u trasparenti, bl-għaqdiet li talbu sa €10,000 jirċievu 100% tal-ammont mitlub, dawk li talbu bejn €10,001 u €50,000 jirċievu sa 80%, filwaqt li talbiet li jaqbżu €50,000 jirċievu sa 60% tal-ammont mitlub. F’kull każ, l-għajnuna massima għal kull għaqda hija limitata għal €30,000. Barra minnhekk, l-għaqdiet jistgħu jibbenefikaw minn sors wieħed biss ta’ finanzjament pubbliku marbut ma’ din il-maltempata, biex jiġi żgurat tqassim ġust u ekwu tar-riżorsi disponibbli. 

Biex għaqda volontarja tkun eliġibbli, trid tkun reġistrata u konformi mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. 

Minkejja kollox l-origanizzazzjonijiet ma waqfux…

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Il-Maltempata Harry ma laqtitx biss l-infrastruttura tagħna imma laqtet il-qalb ta’ ħafna organizzazzjonijiet volontarji li ta’ kuljum jagħtu minn ħinhom u mill-enerġija tagħhom biex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin. Madankollu, dak li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat kien ta’ ispirazzjoni kbira, fejn minkejja l-ħsarat, minkejja d-diffikultajiet, dawn l-organizzazzjonijiet ma waqfux. Baqgħu jaqdu, baqgħu preżenti u baqgħu juru li l-volontarjat f’Malta mhuwiex sempliċiment att ta’ karità imma huwa stil ta’ ħajja, huwa impenn lejn xulxin bħala komunità”. 

Hija qalet li bħala Gvern jifhmu l-irwol kruċjali li għandu s-settur tal-volontarjat “u huwa għalhekk li qegħdin nallokaw fondi diretti biex ngħinu lil dawn is-60 organizzazzjoni jerġgħu fuq saqajhom bl-aktar mod effiċjenti u malajr kemm jista’ jkun. Dan mhuwiex biss appoġġ finanzjarju imma huwa messaġġ ċar mill-Gvern li aħna nemmnu fikom, napprezzaw ix-xogħol li tagħmlu u rridu nkunu maġenbkom f’kull pass tal-mixja”. 

Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, sostna li, “il-Kunsill jibqa’ jisma’ dwar il-bżonnijiet tal-għaqdiet, partikolarment meta jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni bħal din li żgur teħtieġ sapport ħalli s-settur ma jbatix għal tul ta’ żmien bla bżonn”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport