Saturday, December 21, 2024

Il-gvern ikompli bil-ħidma favur il-ħarsien tar-raba’

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jassoċja ruħu mal-pożizzjoni tal-għaqdiet fil-qasam tal-biedja u l-Kamra tal-Periti dwar il-bżonn li r-raba’ jiġi protett.

Fil-fatt, il-gvern wera dan billi indirizza l-akbar problema fil-qasam tar-raba’, dik li jkun protett il-bidwi illi jaħdmu, sabiex ikun żgurat li r-raba’ jibqa’ jinħadem għall-iskop tiegħu. Dan sar permezz ta’ riforma komprensiva, li tinkludi diversi miżuri u azzjonijiet li qed ikunu implimentati matul din il-leġiżlatura.

L-għan tar-riforma li tħabbret fl-2022, hu li jiġi mħares ir-raba’ fl-interess pubbliku b’mod leġittimu u proporzjonat biex b’hekk issir ġustizzja mal-partijiet kollha inkluż mas-sid, titnaqqas l-ispekulazzjoni żejda, jitħarsu ż-żoni rurali, u, fuq kollox, jingħata sostenn għall-biedja fl-isfond tal-importanza tagħha fil-provvista tal-ikel. Ir-riforma rrikonoxxiet li l-ħarsien tar-raba’ huwa fundamentali biex niggarantixxu s-sostenibbiltà tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.

L-ewwel pass storiku kien it-tibdil fl-Att dwar it-Tiġdid tal-Kiri tar-Raba’, fejn iddaħħal tibdil leġiżlattiv li joħloq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid u dawk tal-bdiewa li jaħdmu l-art agrikola. Insegwitu ta’ dan it-tibdil, permezz ta’ setgħa li ngħatat lill-ministru responsabbli mill-agrikoltura, ġie pubblikat avviż legali li ħoloq qafas proporzjonat għaż-żieda fil-kiri tar-raba’, li jikkunsidra l-attività agrikola.

Riċentement, ġie introdott l-Att Agrikolu, li jagħti s-setgħa lill-ministru responsabbli mill-agrikoltura biex jissalvagwardja l-attivitajiet agrikoli u jimplimenta titjib billi joħloq regolamenti u inċentivi favur l-art agrikola.

Apparti l-introduzzjoni ta’ liġijiet, it-twettiq tar-riforma beda bit-twaqqif ta’ Aġenzija li għandha r-responsabbiltà li tindokra l-art agrikola, kif ukoll tnedew miżuri favur il-ħarsien tar-raba’. Fil-fatt waħda mill-miżuri li tħabbret fil-budget tas-sena l-oħra u qiegħda fil-proċess li tiġi mwettqa din is-sena hija dik li jiġu stabbiliti miżuri li jħarsu u jiżguraw l-ħtieġa li art agrikola tinħadem għall-iskop agrikolu tagħha.

Il-proċess beda b’konsultazzjoni pubblika dwar il-bżonn tal-ħarsien tar-raba’ waqt l-Agrifair li saret f’April ta’ din is-sena, li wassal għal abbozz ta’ qafas legali li ġie ppreżentat lill-Kunsill Konsultattiv Agrikolu, li jservi ta’ pjattaforma li tiffaċilita d-djalogu dirett mal-komunità tal-biedja. Dan l-abbozz maħsub li jħares ir-raba’ billi jillimita l-frammentazzjoni tar-raba’ f’daqs li ma jagħmilx sens għall-biedja, li jiżgura li r-raba’ jinħadem għal skop agrikolu u li jinżamm fi stat tajjeb.

Tragward ieħor li ntlaħaq bħala parti mir-riforma, kien il-pubblikazzjoni ta’ avviż legali li jirregola il-kategorizzazzjoni tal-bdiewa u r-raħħala.  Permezz ta’ dan l-avviż legali, id-Direttorat tal-Agrikoltura kull sena għandu s-setgħa li jikklassifika l-bdiewa abbażi tal-produzzjoni mill-attività tagħhom. Dan l-istrument ser ikun qed jintuża fit-twettiq tal-politika agrikola li tippremja lill-dawk il-bdiewa li verament jaħdmu l-art u jikkontribwixxu lejn is-sigurtà u s-sovranità tal-ikel fil-gżejjer Maltin.

Il-gvern itenni l-impenn tiegħu li jkompli jwettaq ir-riforma fil-qasam tar-raba’ u li jkompli jdaħħal strumenti leġiżlattivi li jiżguraw il-ħarsien tal-bdiewa u tar-raba’ bl-aħjar mod. Fil-budget li ġej ser jitħabbru numru ta’ miżuri ġodda li jkomplu jibnu fuq dak li diġà twettaq.

Ekonomija

Sport