Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet u indirizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda Sajjieda Attivi, fejn ġie diskuss u approvat rapport estensiv dwar sena ta’ ħidma favur il-membri u s-settur tas-sajd f’Malta u Għawdex.
Fid-diskors tagħha, is-segretarju parlamentari faħħret il-ħidma li wettqet l-Għaqda matul is-sena li għaddiet permezz ta’ diversi inizjattivi li taw spinta lill-komunità tas-sajjieda, speċjalment dawk żgħar, li għal snin twal kienu jħossuhom mingħajr vuċi. Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jkompli jisma’ u jaħdem mal-operaturi fis-settur sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jaffaċċjaw.
“L-Għaqda Sajjieda Attivi qed tagħti leħen ġdid lis-sajjieda tagħna. Illum għandna forum strutturat u serju li qed iwassal il-ħsibijiet u l-preokupazzjonijiet ta’ komunità importanti għall-identità u l-ekonomija tagħna. Bħala Gvern, se nibqgħu naħdmu magħkom biex insibu soluzzjonijiet b’sens prattiku u b’rispett lejn il-ħidma tagħkom,” saħqet is-segretarju parlamentari.
Waqt il-laqgħa ġie ppreżentat ir-rapport annwali fejn ġiet spjegata l-ħidma li twettqet, fosthom laqgħat ma’ istituzzjonijiet ewlenin, inizjattivi għall-bejgħ dirett tal-ħut fis-swieq, u l-ħidma kontinwa fuq rappreżentanza aktar b’saħħitha kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Għaqda, Jason Grixti, tkellem dwar il-ħtieġa li l-vuċi tas-sajjied tibqa’ tinstema’ b’mod strutturat, u saħaq fuq l-importanza tal-għaqda bħala mezz ta’ saħħa kollettiva. Qal ukoll li l-Għaqda se tkompli tistinka biex tħares id-dinjità u l-għajxien tas-sajjieda, filwaqt li tippromwovi innovazzjoni u żvilupp sostenibbli fis-settur. “L-Għaqda Sajjieda Attivi se tkompli timpenja ruħha favur futur b’saħħtu u aktar ġust għas-sajd f’pajjiżna, billi taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet u l-membri tagħha.”