Il-Gvern ippreżenta l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECP) aġġornat lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern jibqa’ impenjat biex jindirizza t-tibdil fil-klima filwaqt li jippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli u fl-istess ħin iżomm mal-impenn li ċ-ċittadini ma jiġux mgħobbija b’piżijiet biex jintlaħqu dawn il-miri.
Il-pjan iwassal għal tnaqqis totali ta’ 41% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-livelli tal-2005 sal-2030 u dan minkejja li l-attività ekonomika llum hi ferm iktar milli kienet fl-2005 u mistennija tkompli tikber. Bidliet ewlenin qed isiru fl-oqsma tal-enerġija, l-immaniġġjar tal-iskart, l-industrija u t-trasport.
Pajjiżna se jara tnaqqis ta’ 77% fl-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-enerġija meta mqabbel mal-2005. Primarjament minħabba l-bidla mill-heavy fuel oil għal gass u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku, b’interconnector li tlesta fl-aħħar snin u ieħor mistenni jitlesta fis-snin li ġejjin. Se jkunu installati wkoll batteriji kbar fi proġett li hu l-ewwel tat-tip tiegħu biex l-enerġija rinnovabbli tintuża matul il-lejl ukoll.
Malta qed timpenja ruħha li żżid ukoll il-persentaġġ ta’ enerġija rinnovabbli għal madwar 25% tal-konsum tal-enerġija sas-sena 2030, u hekk jinqabżu miri li saru fil-passat. Għall-perjodu fit-tul, il-Gvern għadu kif ħareġ sejħa internazzjonali ambizzjuża għall-produzzjoni ta’ enerġija mir-riħ. Dan f’inizjattiva maħsuba biex tħalli l-frott għall-ġenerazzjonijiet futuri wkoll.
Is-settur tal-iskart, li diġà ra bidliet kbar, huwa mistenni jara tnaqqis ta’ 59% fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-2021. Dan permezz ta’ pre-sorting facilities, impjant għall-iskart organiku, sistemi ta’ estrazzjoni tal-gass biex l-iskart minflok jintrema fil-miżbla jiġi mibdul f’enerġija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Waste to Energy.
Hemm bżonn ta’ sforzi akbar fis-settur tat-trasport, li jirrappreżenta 37% tal-emissjonijiet ta’ Malta. Hawnhekk iċ-ċittadini se jkomplu jiġu inċentivati biex jaqilbu għal karozzi elettriċi, filwaqt li nibqgħu impenjati sabiex titjieb l-infrastruttura tat-toroq u jkun diskuss u implimentat pjan nazzjonali li jindirizza l-isfida tat-traffiku.
Anke s-settur tal-kostruzzjoni jeħtieġ jagħmel bidliet biex ikun aktar sostenibbli. Il-Gvern qed jimmira li jappoġġja ċ-ċittadini u n-negozji fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet. Dan jinkludi l-aġġornament tad-Dokument Tekniku F dwar l-effiċjenza tal-bini, feed-in tariffs, ħażna tal-enerġija fil-batteriji, heat pumps, boilers tax-xemx għall-ilma sħun, l-inizjattiva ‘Irrinova Darek’ imnedija mill-ġdid għall-familji, kif ukoll l-iskemi Smart and Sustainable għan-negozji. L-installazzjoni mandatorja ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq bini li jilħaq il-limitu massimu ta’ għoli u l-approvazzjonijiet prijoritarji ukoll se taċċellera il-bidla lejn enerġija aktar nadifa.
Il-kollaborazzjoni mal-imsieħba minn oqsma differenti hija kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Esperti tal-industrija, organizzazzjonijiet ambjentali u l-pubbliku lkoll taw u għandhom sehem x’jagħtu, biex fejn hemm sfidi jiġu indirizzati.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Dan il-pjan jirrappreżenta impenn trasformattiv biex insaħħu Malta aktar sostenibbli u reżiljenti. Għamilna, qed nagħmlu u se nkomplu nagħmlu bidliet kbar. Bħala Gvern nemmnu li ċ-ċittadini huma importanti ferm biex pjan bħal dan jaħdem, fl-istess ħin irridu li ċ-ċittadini jkunu parti minn dan il-pjan billi ma nagħmlux l-iżball li naħsbu li nistgħu nħaffu l-pass billi ngħabbu fuq iċ-ċittadini piżijiet li ma jifilħux. Hemm bidliet fil-kultura li rridu nagħmlu, imma mbagħad hemm ukoll għadd kbir ta’ oqsma fejn ngħinu bl-inċentivi u mhux billi nikkastigaw liċ-ċittadin. Jekk ma jsirx hekk, l-azzjoni kontra l-bidla fil-klima ma tkunx suċċess.”