Il-Ministeru għall-Finanzi nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni ta’ skema ta’ pensjoni okkupazzjonali b’reġistrazzjoni awtomatika, li tirrappreżenta riforma importanti fis-settur tat-tfaddil għall-irtirar f’Malta.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema hu li jissaħħaħ l-aċċess tat-tfaddil għall-irtirar. Min iħaddem ser ikun mitlub jinkludi b’mod awtomatiku lill-ħaddiema eliġibbli tiegħu fi skemi ta’ pensjoni awtorizzati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. Il-ħaddiema xorta waħda jżommu d-dritt li ma jkunux parti minn din l-iskema, biex hekk tinżamm il-volontarjetà waqt li jiżdied l-aċċess għal soluzzjonijiet ta’ tfaddil għall-irtirar.
Il-ħaddiema eliġibbli jinkludu dawk li għandhom mill-inqas 18-il sena sa dawk li huma għaxar snin ’il bogħod mill-età tal-irtirar, li jħallsu t-taxxa f’Malta, li jaħdmu regolarment f’Malta, u li x-xogħol tagħhom hu s-sors prinċipali tad-dħul tagħhom.
Id-dokument ta’ konsultazzjoni jipproponi kontribuzzjoni minima ta’ €50 fix-xahar mill-ħaddiema li jagħżlu li jkunu parti mill-iskema, li titnaqqas direttament mill-paga. Il-Gvern, għall-ħaddiema tiegħu wiegħed li jħallas kontribuzzjoni addizzjonali, sa massimu ta’ €100 fix-xahar, bħala sinjal ta’ tmexxija responsabbli. Għas-settur privat, il-kontribuzzjoni min-naħa ta’ min iħaddem tibqa’ fuq bażi volontarja.
L-iskemi huma maħsuba li jkunu ta’ natura kontribuzzjoni definita u bi strutturi ta’ investiment li jadattaw b’mod awtomatiku għall-età tal-ħaddiem (“life-cycling”). Se jiġu wkoll stabbiliti limiti fuq l-ispejjeż (“cost-capping”) biex jiġi żgurat valur għall-flus, filwaqt li jiġu applikati rekwiżiti standardizzati ta’ informazzjoni biex niżguraw it-trasparenza, b’hekk il-parteċipanti jkollhom informazzjoni sħiħa.
Il-portabbiltà tal-pensjonijiet meta l-ħaddiem ibiddel l-impjieg ser tkun żgurata b’mekkaniżmi li jippermettu trasferimenti bla xkiel bejn l-iskemi. Min jipparteċipa f’ dawn it-tip ta’ skemi se jkun jista’ jibbenefika minn benefiċċji fiskali kemm għal ħaddiema u anke għal min iħaddem.
Id-dokument maħruġ għall-konsultazzjoni qed jipproponi li l-iskema tibda fis-settur pubbliku fir-raba’ kwart tal-2025, u tidħol fis-settur privat mhux aktar tard minn sitt xhur wara.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni se jdum xahar, biex jiġu miġbura reazzjonijiet u proposti mingħand il-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet, u l-pubbliku inġenerali. Wara l-għeluq tal-konsultazzjoni, il-gvern se joħroġ rapport li jwieġeb għas-suġġerimenti magħmula u jippreżenta kull tibdil propost fil-qafas.
Għal aktar informazzjoni jew biex tipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni, tista’ żżur https://finance.gov.mt/.