Wednesday, December 25, 2024

Il-Gvern iniedi l-proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ Malta 2050, b’miri strateġiċi għall-2035

Aqra wkoll

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Gvern ta’ Malta nieda proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ pajjiżna għall-25 sena li ġejjin, Malta Vision 2050. Din il-viżjoni se tkun qed tfassal id-direzzjoni strateġika għal pajjiżna għad-deċennji li ġejjin, b’attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Il-viżjoni se tinkludi miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2035, biex b’hekk ikun hemm progress matul is-snin tal-viżjoni.

Dan il-proċess, li għadu kemm ġie approvat mill-Kabinett, se jkun qed jitħejja bl-għajnuna ta’ esperti rinomati madwar id-dinja f’dan il-qasam, b’esperjenza internazzjonali vasta fil-ħolqien ta’ viżjonijiet nazzjonali.

Il-Malta Vision 2050 se sservi bħala qafas għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna, li jħares ’il quddiem bi prijoritajiet f’setturi bħall-innovazzjoni diġitali, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sostenibbiltà u demografija tal-impjiegi – kollha b’għan wieħed li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjoni tal-lum u dawk futuri.

Fil-qalba ta’ Malta Vision 2050 hemm l-impenn li noħolqu soċjetà li tirrendi, sostenibbli u inklussiva, fejn kull ċittadin jista’ jgawdi kwalità tal-ħajja ogħla. Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, qal li, “Il-viżjoni tagħna għal Malta mhix biss fuq il-progress ekonomiku. Iżda hija dwar pajjiż ta’ prosperità, fejn il-ġid jinqasam bejn kulħadd, u fejn il-benesseri, il-ġustizzja u sostenibbiltà jkunu f’kull ħaġa li nagħmlu. Dan huwa l-bidu ta’ proċess kollaborattiv, li se jifforma lil Malta tal-futur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Filwaqt li jirrikonoxxi l-impatt wiesa’ li għandha din l-inizjattiva, il-Kabinett ta s-sorveljanza ta’ dan il-proġett lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri f’isem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isegwu n-natura orizzontali tal-viżjoni li ddur fuq setturi varji fis-soċjetà u l-ekonomija.

Din l-inizjattiva ġejja mill-fatt li pajjiżna għandu jadatta ruħu għall-isfidi u l-opportunitajiet kumplessi tas-seklu 21. Filwaqt li pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku u avvanzi soċjali mingħajr preċedenti matul l-aħħar għaxar snin, qed niffaċċjaw diversi sfidi; it-tibdil fil-klima, l-avvanz teknoloġiku, tibdil fid-demografija, żieda fil-popolazzjoni u d-dinamika tas-swieq globali. Dan kollu joħloq il-bżonn li naġġornaw strateġija fit-tul.

Malta Vision 2050 se tkun qed tindirizza dawn l-isfidi, bil-għan li toħloq nazzjon reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli. Element ewlieni ta’ din il-viżjoni se jkun l-allinjament mal-miri tal-Unjoni Ewropea dwar newtralità fil-klima 2050, objettiv ċentrali tal-European Green Deal.

Il-viżjoni ta’ Malta mhux biss tħares dawn il-miri, iżda wkoll se toħloq numru ta’ miri konkreti li għandna nilħqu sal-2035. B’hekk ikollna pjan realistiku għas-suċċess li se jiżgura progress lejn futur sostenibbli.

Din il-viżjoni nazzjonali mhux se tkun qed tbiddel strateġiji ta’ setturi speċifiċi jew dawk ministerjali, iżda se tkun qed issaħħaħhom u tibni fuqhom. B’hekk ikollna qafas nazzjonali magħqud, li jintegra l-isforzi individwali f’roadmap waħda nazzjonali komprensiva.

Biex nassiguraw governanza robusta, il-Gvern waqqaf Steering Committee interministerjali mmexxi b’mod konġunt mill-Ministru Silvio Schembri u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Dr Mark Mallia. Il-kumitat se jissorvelja, l-iżvilupp ta’ din il-viżjoni, u jassigura proċess inklussiv, li jħares ’il quddiem u li jkun allinjat mal-interessi nazzjonali u internazzjonali.

Il-Gvern għandu l-għan li jtemm il-proċess ta’ definizzjoni ta’ Malta Vision 2050 sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, ix-xogħol fuq dan il-proġett sinifikanti diġà beda.

Ekonomija

Sport