Friday, July 25, 2025

Il-Gvern iressaq abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar it-Taxxa biex isaħħaħ l-infurzar tat-taxxa u l-ġlieda kontra r-reati finanzjarji

Aqra wkoll

Il-Gvern ressaq fil-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet dwar it-taxxa. Din il-proposta leġiżlattiva hija pass importanti fl-isforzi kontinwi tal-Gvern biex jimmodernizza l-qafas ta’ infurzar fiskali ta’ Malta u jsaħħaħ ir-rispons nazzjonali għall-evażjoni tat-taxxa u r-reati finanzjarji.

L-Abbozz jintroduċi emendi għal diversi liġijiet dwar id-dħul, inkluż l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferiment, l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, u jagħmel emendi komplimentari ukoll fil-Kodiċi Kriminali. L-għan tal-Abbozz hu li jsaħħaħ is-setgħat investigattivi u ta’ infurzar tal-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana, jistabbilixxi qafas statutorju għall-ħlas ta’ obbligi fiskali barra l-qorti, itejjeb l-irkupru ta’ flejjes dovuti lill-Istat, u jiskoraġġixxi r-reati finanzjarji permezz tal-introduzzjoni ta’ reati kriminali ġodda u pieni aktar ħorox f’każ ta’ ksur ta’ ftehim ma’ dipartiment tal-Gvern kif provdut dwaru fl-Abbozz.

L-Abbozz jipproponi l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu armonizzat fost il-liġijiet ewlenin kollha tat-taxxa li jippermetti li dawk li jħallsu t-taxxa jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ ftehim formali mal-Kummissarju. Dawn il-ftehimiet jeħtieġu l-ħlas ta’ pieni addizzjonali li jvarjaw minn €10,000 sa €1,000,000 u jevitaw li jiffaċċjaw proċeduri kriminali għal ksur kopert mill-ftehim, filwaqt li jżommu r-responsabbiltà ċivili għal kwalunkwe ammont mhux inkluż. Il-mekkaniżmu jissospendi wkoll il-perjodu ta’ preskrizzjoni matul il-perjodu tan-negozjati u japplika anke f’każijiet fejn hemm proċedimenti kriminali pendenti, sakemm ma tkunx ingħatat sentenza finali.

L-Abbozz jintroduċi wkoll il-kunċett legali ta’ “ksur konness.” Dawn huma ksur tal-liġi li huma marbuta jew imwettqa biex jiffaċilitaw ksur ewlieni ta’ liġi fiskali. Ksur konness jista’ jinkludi atti mwettqa bħala parti minn pjan miftiehem minn qabel biex jinkisru l-liġijiet tat-taxxa, azzjonijiet biex jinkisbu l-mezzi biex jitwettaq il-ksur, jew imġiba maħsuba biex tiffaċilita jew taħbi l-offiża. Madankollu, it-terminu “ksur konness” hu definit b’mod ċar f’kull wieħed mill-Atti emendati u jeskludi espressament reati elenkati taħt is-Subtitolu IV tat-Titolu III tat-Taqsima II tal-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Kriminali milli jiġu kklassifikati bħala ksur konness taħt il-mekkaniżmu barra l-qorti. Ir-reati esklużi jinkludu estorsjoni, tixħim, korruzzjoni, kummerċ fl-influwenza, u abbuż ta’ awtorità jew dmirijiet uffiċjali.

L-Abbozz jipproponi wkoll il-ħolqien ta’ żewġ reati kriminali ġodda taħt il-Kodiċi Kriminali. L-ewwel jindirizza l-ksur frawdolenti ta’ ftehimiet ma’ dipartimenti tal-Gvern u hu punibbli bil-piena sa erba’ snin ħabs jew multa sa €2.5 miljun. It-tieni jikkonċerna ksur mhux iġġustifikat ta’ tali ftehimiet u jġorr pieni sa sentejn ħabs jew multa sa €500,000. Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu l-integrità tal-proċess ta’ ftehim u jiskoraġġixxu l-abbuż.

Dan l-Abbozz jirrifletti l-impenn tal-Gvern għal sistema tat-taxxa ġusta, effiċjenti u moderna. Billi tgħaqqad il-flessibbiltà amministrattiva ma’ infurzar sod, il-leġiżlazzjoni proposta tappoġġja l-isforzi nazzjonali biex tiġi żgurata l-konformità, jiġu rkuprati fondi pubbliċi, u rrispettata s-Saltna tad-dritt. Il-Gvern iħares il-quddiem għal dibattitu kostruttiv fil-Parlament u l-approvazzjoni f’waqtha ta’ din ir-riforma importanti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport