Friday, November 22, 2024

Il-Gvern irid jara kif iġewwes lil dawk fuq il-paga minima mingħajr spejjeż żejda fuq min iħaddem

... L-Ekonomista Silvan Mifsud jisħaq dwar l-importanza tat-titjib tal-ħiliet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-ewwel prijorità ta’ kull gvern fid-dinja u anke fl-Ewropa hija li nikkontrollaw l-inflazzjoni. Li nieħdu kwalunkwe miżura li tista’ tidher tajba, li fil-qasir żmien tista’ tidher li qiegħda tgħin lil ċertu nies, imma li l-effett tagħha jkun dak li jien ngħid li nkomplu nitimgħu lill-monstru tal-inflazzjoni bħala riżultat tagħha se jkun ta’ dannu kbir għall-ekonomija tagħna”. Iddikjara dan l-Ekonomista Silvan Mifsud meta mistoqsi rigward il-piżijiet ġodda li jistgħu jitfgħu fuq in-nies ċertu miżuri f’budget espansjonarju fejn il-gvern ikun qiegħed idaħħal inqas minn kemm joħroġ.

L-ekonomista beda biex jgħid li dan ma jseħħx fit-tul ta’ snin u dan għaliex indumu biex nirkupraw u nikkontrollaw l-inflazzjoni. Barra minn hekk l-ekonomija tagħna teżisti u tikkompeti ma’ ekonomiji oħrajn madwar id-dinja u aħna biex nibqgħu f’pożizzjoni biex nikkompetu rridu nżommu dan il-punt bħala prijorità. 

Huwa kien ċar fi kliemu u qal li kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tidher sabiħa għax tkun qiegħed titfa’ l-flus fi bwiet in-nies, li se titfa’ spejjeż ġodda fuq min iħaddem se tfisser li l-inflazzjoni se tibqa’ tgħolli rasha.

Riżultat ta’ dan, pajjiżi oħrajn li għaddew minn żminijiet ta’ tbatija minħabba li ma kellhomx pereżempju gvernijiet li kienu qegħdin jissussidjaw il-prezzijiet tal-elettriku u l-fjuwils bħalna, imma minħabba t-tbatija li għaddew minnha u anke minħabba l-effett tal-politika monitarja bħalma huma żieda fl-imgħaxijiet u joħorġu mill-problema tal-inflazzjoni, aħna jekk nonqsu b’ċertu deċiżjonijiet se nissugraw li ekonomiji oħrajn jitilqu jiġru u aħna nkunu għadna qegħdin inkaxkru bl-inflazzjoni.

Rigward is-sitwazzjoni ekonomika preżenti, Mifsud qalilna li jidher li qegħdin fil-bidu ta’ ċiklu ekonomiku ġdid. Kompla jispjega li wara snin ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu, jidher li l-konsum se jonqos anke minħabba l-livell tal-inflazzjoni. 

“Skont l-aħħar aġġornament, anke dak tal-Bank Ċentrali għas-sena d-dieħla u ta’ wara, fis-snin li ġejjin it-tkabbir ekonomiku jidher li mhux se jkun ġej daqshekk mill-konsum intern, iżda se jkun ġej minn żieda fl-esportazzjoni u żieda f’ċertu niċeċ u setturi oħrajn ekonomiċi”.

Huwa kompla jelabora li l-inflazzjoni ma bdietx minn Malta, iżda minħabba xokkijiet bħalma kienu l-pandemija u l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, iżda issa riżultati tal-aħħar sitt xhur juru li għandna livell ta’ inflazzjoni li qiegħda tiġi ġġenerata internament.

“Biżżejjed naħsbu li għandna dak li ngħidulu suq tax-xogħol li huwa veru diffiċli biex insibu nies, il-ħaddiema kważi jimbuttawk jew jiddettaw lil min iħaddem x’pagi jridu u ma jridux għax diffiċli jsibu min iħaddem u dik diġà qiegħda timbotta biex ċertu livell ta’ inflazzjoni li hija ġenerata internament tgħolli rasha għax fl-aħħar mill-aħħar min iħaddem jiżdidulu l-ispejjeż tal-pagi għandu żewġ għażliet – li jnaqqas mill-profitti tiegħu jew li biex jiddefendi l-profitti tiegħu jżid il-prezzijiet li allura jwassal biex tiżdied l-inflazzjoni”, kompla biex jgħid magħna Mifsud.

Staqsejnieh rigward iż-żieda ta’ €12.81 fil-ġimgħa skont il-mekkaniżmu tal-COLA fejn spjegalna li dan se jkun qiegħed ifisser li meta jqis kollox kull min iħaddem se jkollu żieda ta’ €1,000 żieda fil-pagi ras għal ras. Huwa qal li din iż-żieda trid tinġieb minn xi mkien għax inkella se jkollok biss l-għażla l-oħra fejn min iħaddem jagħmel tajjeb għal din iż-żieda billi jnaqqar mill-profitti tiegħu. 

“Però jekk magħha se nżidu l-paga minima, fl-opinjoni tiegħi se nkomplu nersqu fix-xifer tal-periklu għax il-paga minima hija l-bażi u allura meta titnaqqas id-differenza bejn dawk fuq il-paga minima u dawk li qegħdin ftit iktar minnhom, dawn se jgħidulek żdidulek dawk fuq il-paga minima, ma niżdiedx jien?”, tenna Mifsud filwaqt li propona li l-aħjar ħaġa hu li l-gvern isib bilanċ biex iġewweż lil dawk li veru jinsabu fuq il-paga minima mingħajr ma jitfa’ piżijiet ġodda fuq min iħaddem u fl-istess ħin nħarsu bis-serjetà kif nistgħu nsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex iż-żidiet isiru b’dan il-mod.

Sport