Saturday, January 18, 2025

Il-Gvern isaħħaħ il-pożizzjoni globali tiegħu fis-settur tal-enerġija

Aqra wkoll

Malta ġiet uffiċjalment inkluża bħala membru tal-Global Offshore Wind Alliance (GOWA) magħmula minn 30 pajjiż u organizzazzjoni.

Dan il-pass huwa riżultat tal-inizjattivi sinifikanti tal-gvern preżenti biex javvanza s-settur tal-enerġija rinovabbli offshore.

GOWA kkonfermat is-sħubija ta’ Malta waqt avveniment organizzat bħala parti mill-15-il Assemblea tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinovabbli (IRENA).

Il-fatt li Malta ġiet aċċettata bħala parti minn din l-alleanza tirrifletti l-impenn tagħha biex tikkontribwixxi lejn inizjattivi kollaborattivi fis-settur tal-enerġija mir-riħ offshore. Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali, Malta qed timmira li tħaffef il-proċess tal-implimentazzjoni tal-enerġija rinovabbli offshore – element kruċjali fl-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

GOWA ġiet stabbilita waqt il-COP27 mill-IRENA, il-Gvern Daniż, u l-Global Wind Energy Council (GWEC). L-għan tagħha huwa li tippromwovi l-użu globali tal-enerġija mir-riħ offshore.

Fost l-aktar inizjattivi sinifikanti li ħadet Malta f’dan is-settur hemm il-pubblikazzjoni riċenti tal-Preliminary Qualification Questionnaire. Din l-inizjattiva timmarka l-ewwel fażi ta’ proċess ta’ tliet stadji biex jiġi magħżul żviluppatur għall-ewwel proġett f’Malta fuq il-baħar ta’ enerġija rinovabbli mir-riħ. Barra minn hekk, hemm il-pubblikazzjoni tal-Politika Nazzjonali għat-Tixrid tal-Enerġija Rinovabbli Offshore, li identifikat sitt żoni ddedikati fiż-Żona Esklussiva Ekonomika ta’ Malta (EEZ). Dawn iż-żoni għaddew minn Strategic Environmental Assessment biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport