Sunday, December 22, 2024

Il-Gvern isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-każ ta’ Daniel Joe Meli

Aqra wkoll

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-każ ta’ Daniel Joe Meli.

Filwaqt li huwa essenzjali li jiġi rispettat bla riżervi l-proċess ġudizzjarju, li bħalissa jinsab fi stadju ta’ Appell Kostituzzjonali, il-Gvern saħaq li qed jieħu inkonsiderazzjoni s-sentenzi diġà mogħtija mill-Qrati Maltin, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet dwar saħħet is-Sur Meli, meta wieħed iqis in-natura unika u l-kumplessitajiet legali tas-sitwazzjoni.

Fil-jiem li għaddew, Meli kien appella minn sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet ordnat l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti. Huwa kien tressaq il-Qorti akkużat b’reati relatati mal-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-internet.

L-akkużat allegatament kien inqabad hekk kif il-pulizija kienet wettqet operazzjoni li fiha kienet assistita minn investigazzjoni tal-FBI, b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-‘dark web’ kif ukoll b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’.

Meli fl-appell tiegħu qal li ma saru l-ebda verifiki biex jiġi aċċertat li hu kien medikament stabbli u għalhekk kapaċi li jifhem dak li kien qiegħed jikkonsenti għalih meta ta l-kunsens biex jiġi estradit. Dan minkejja “l-istorja twila ta’ problemi ta’ saħħa mentali u abbuż ta’ sustanzi mediċi.”

Ekonomija

Sport