Wednesday, January 1, 2025

Il-Gvern isostni lill-bdiewa u r-raħħala direttament fi bwiethom

Aqra wkoll

Madwar 450 bidwi u raħħal ser ikunu qed jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja b’ammont ta’ €3.6 miljun, li tgħinhom jinvestu fl-oqsma tagħhom, permezz ta’ skema simplifikata. 

Bħal kull fondi oħra Ewropej din l-iskema hija amministrata mill-Management Authority li topera mingħajr ebda ndħil politiku u skont kriterji fissi u stabbiliti. L-iskema inkwistjoni kienet ċara li l-bdiewa u r-raħħala jistgħu jibbenefikaw sa 50% fil-mija tan-nefqa li jagħmlu jew massimu ta’ €15,000, skont liema ammont ikun l-inqas.

Din l-iskema hija maħsuba għal għotjiet żgħar b’valur ta’ għotja li għalihom intalbet dokumentazzjoni limitata mingħand l-applikant. Madankollu, f’konformità mal-prinċipji ta’ governanza u ġestjoni finanzjarja tajba, l-informazzjoni ppreżentata ġiet analizzata biex jiġi żgurat li l-għotjiet mogħtija jkunu eliġibbli u jirrappreżentaw il-valur attwali tas-suq.

Bdiewa li jixtiequ jerġgħu japplikaw għal din l-iskema se jkunu jistgħu jagħmlu dan fl-ewwel kwart tal-2025 meta din l-iskema terġa’ tiġi mnedija, filwaqt li l-istess skema hija miftuħa bħalissa b’allokazzjoni ta’ €10M, għal proġetti akbar minn €30,000.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ntqal li “dan il-Gvern bħal dejjem jibqa’ kommess li jkun ta’ spalla għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. Dan urieh bil-fatti tant li l-istess bdiewa u raħħala qegħdin jibbenefikaw minn livell ta’ fondi diretti bla preċedent li jmorru dritt fi bwiethom sabiex jassistihom fl-operat tagħhom. Kien ukoll propju dan il-Gvern li salva mijiet ta’ bdiewa milli jitilfu r-raba’ li kienu ilhom jaħdmu għal snin twal u dan permezz tar-riforma tal-liġi tal-qbiela, liġi li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qatt ma ried jindirizzaha.”

Il-Gvern se ikompli jaħdem id f’id ma’ dawk il-bdiewa u raħħala ġenwini inkluż f’dan il-każ, u għalhekk min iħossu aggravat b’xi deċizjoni ser jingħata l-opportunità jressaq l-ilment tiegħu u fejn ikollu raġun jingħata r-rimedji opportuni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport