Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva tenna l-impenn sħiħ u bla heda tiegħu biex jiżgura s-sigurtà, id-dinjità u l-benesseri tal-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa u tal-pazjenti fl-Isptar Karen Grech.
Il-Management qed jieħu b’serjetà massima t-tħassib tal-istaff kollu, inklużi l-infermiera u l-professjonisti alleati fis-saħħa. Il-Ministeru jibqa’ impenjat li jżomm ambjent tax-xogħol sigur u ta’ sostenn għal dawk kollha li jiddedikaw ħajjithom għall-kura ta’ ħaddieħor.
Ilbieraħ, il-Ministeru u l-amministrazzjoni tal-isptar stiednu formalment lill-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) għal taħditiet bil-għan li tissolva s-sitwazzjoni b’mod kostruttiv. Sfortunatament, il-union irrifjutat li tattendi. Il-Gvern jemmen li djalogu sinċier, u mhux il-konfrontazzjoni, huwa l-uniku mod kif jinkisbu soluzzjonijiet verament sinifikanti fl-interess kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-pazjenti.
Stedina oħra diġà ntbagħtet lill-MUMN għal laqgħa llum il-Ġimgħa, u l-Ministeru wera t-tama li l-union terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha u tidħol f’djalogu miftuħ u kostruttiv.
Filwaqt li l-Management jibqa’ jisma’ u jinvolvi ruħu b’intenzjoni tajba, huwa importanti li l-partijiet kollha jaġixxu b’mod responsabbli.

