Saturday, October 26, 2024

Il-Gvern jgħaddi 325 metru kwadru ta’ art fir-Rabat Għawdex b’ċens ta’ 45 sena lil Victoria SK wanderers biex tiġi żviluppata fi klabb sportiv

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbru li, wara numru ta’ snin ta’ stennija, il-gvern permezz ta’ SportMalta għadda art fir-Rabat, Għawdex, b’qies ta’ 325 metru kwadru b’ċens ta’ 45 sena, sabiex tiġi żviluppata fi klabb sportiv għal Victoria SK Wanderers.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-poplu dara li dan il-gvern iwiegħed u jwettaq f’kull settur, inkluż fil-qasam sportiv. Huwa spjega kif permezz ta’ dan it-trasferiment Victoria SK Wanderers se jkollhom klabb sportiv kif jixirqilhom, filwaqt li stqarr li dan il-gvern irid irawwem u jsaħħaħ il-kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.

“Bħala gvern, konxji li biex nagħmlu dan irridu ninvestu fil-faċilitajiet sportivi u fl-għaqdiet infushom, u dak huwa li qed nagħmlu llum. Aħna nemmnu li rridu nagħtu l-faċilitajiet u l-għajnuna sabiex il-klabbs sportivi jkunu jistgħu jkomplu jikbru u jtejbu s-servizzi tagħhom. Wara kollox, huma uliedna li jgawdu minn dan kollu. Dan il-gvern huwa impenjat biex jinvesti sabiex flimkien nagħmlu l-qabża ta’ kwalità li jmiss. Irridu li kull dixxiplina sportiva tingħata l-opportunità li tiffjorixxi,” sostna l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Huwa fakkar kif bħalissa fir-Rabat, Għawdex, għaddejja r-rikostruzzjoni taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li fost l-oħrajn se jinkludi pixxina olimpika.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq li dan it-trasferiment juri l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu. Huwa kompla jgħid li hemm numru ta’ inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru.

“Meta għandek klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom, li huma stabbli, dawn iħallu ġid fis-soċjetà Maltija, ġid fit-tfal tagħna. Din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern se jkun qed jieħu biex naraw lill-klabbs Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija,” tenna s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport Clifton Grima ta’ din l-għajnuna li qed jagħti sabiex il-klabbs Għawdxin ukoll ikomplu jgħollu l-livell tagħhom u l-players ikollhom faċilitajiet adegwati biex jitħarrġu fihom.

Dan il-gvern huwa impenjat li jwettaq diversi proġetti b’risq diversi dixxiplini sportivi differenti, filwaqt li jinċentiva lill-għaqdiet iqumu fuq saqajhom u jissaħħu, u jagħti lill-atleti l-ispazju kollu biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom lejn l-eċċellenza sportiva.

Sport