Wednesday, May 21, 2025

Il-gvern jidħol f’konvenju mas-sidien tas-sede tal-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tal-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990 bil-għan li l-proprjetà tinxtara u b’hekk din is-soċjetà mużikali tiġi protetta minn riskju imminenti ta’ żgumbrament.

Din l-għaqda kienet f’dan ir-riskju minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

B’kollox il-gvern intrabat li jinvesti €550,000 għall-akkwist tal-proprjetà bħala l-ħlas għax-xiri tal-binja u kif ukoll €50,000 li jirrappreżentaw ħlas ta’ danni lis-sidien skont il-liġi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega l-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament u qal li din il-ħidma hija ta’ prijorità anke fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hija issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li b’dan il-konvenju, il-gvern qiegħed għal darb’oħra juri l-impenn tiegħu li jasal għal soluzzjoni fejn aġixxa korrettament kemm mas-sidien kif ukoll mas-soċjetà mużikali nnifisha. Huwa spjega li fil-mument li jsir il-kuntratt finali, din il-proprjetà se tingħaqad mal-portafoll ta’ proprjetajiet li huma lkoll sede ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu immaniġġjati minn sezzjoni apposta fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti u li mbagħad is-soċjetajiet mużikali rispettivi jkunu marbuta li jħallsu l-kera lill-Gvern.

B’kollox huma tnax il-sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw b’mod konklussiv mill-Ministeru sa issa. Dawn huma: is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, is-sede tal-Għaqda Soċjomużikali Anici ta’ Ħal Qormi, is-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, is-sede tas-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija u s-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż-Żebbuġ.

B’kollox il-gvern, hekk kif isir ix-xiri formali tas-Sede tal-King’s Own u tal-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990,  se jkun investa iktar minn €30 miljun fix-xiri tal-proprjetajiet imsemmija.

Preżenti kien hemm ukoll James Pearsall li huwa inkarigat mill-kumitat fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti li jimmaniġġja dawn il-propjetajiet, il-President ta-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990, flimkien mal-Kumitat, is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech, u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport