Thursday, October 10, 2024

Il-Gvern jikkjarifika dwar “l-istqarrijiet skoretti” tal-allegat ħasil ta’ flus mill-konslu onorarju

Aqra wkoll

B’referenza għal “stqarrijiet skorretti” li qed isiru dwar il-każ ta’ allegat ħasil ta’ flus li ttella l-Qorti lbieraħ, il-Gvern jikkjarifika li:

  • Aldo Cutajar, daħal fis-servizz pubbliku għall-ewwel darba fl-1989;
  • Fl-2004, meta dak iż-żmien kien Prinċipal Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Aldo Cutajar tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi, fost oħrajn;
  • Fit-2 ta’ Frar 2005, Aldo Cutajar wieġeb ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta’ sentjen ħabs sospiżi għal erba’ snin, b’interdizzjoni perpetwa;
  • Fit-22 ta’ April 2005, il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li tneħħi l-interdizzjoni perpetwa li kienet tat hi stess fit-2 ta’ Frar 2005;
  • Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku investigat il-każ skont ir-regoli fis-servizz pubbliku u fis-16 ta’ Ġunju 2005 irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront ta’ Aldo Cutajar titneħħa skont kif iddikjarat il-Qorti. Il-Kummissjoni qalet li l-persuna in kwistjoni għandha titlef il-paga miżmuma matul is-sospesjoni u tingħata twissija;
  • Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qabel ma’ din ir-rakkomandazzjoni u ffirmaha fl-1 ta’ Lulju 2005;
  • Sussegwentament, Aldo Cutajar ħadem f’diversi dipartimenti taħt diversi Ministeri; Dan ifisser li mhux minnu li Aldo Cutajar xi darba tkeċċa minn mal-Gvern. Għalhekk, mhux minnu lanqas li Aldo Cutajar qatt ġie “reinstated” mal-Gvern, u wisq iktar mhux minnu li ddaħħal lura mal-Gvern wara l-2013;
  • Fis-17 ta’ Awwissu 2016, iġifieri 11-il sena wara li l-Qorti tal-Maġistrati neħħiet l-interdizzjoni perpetwa, Aldo Cutajar intbagħat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn kien jaħdem dak iż-żmien, fl-Ambaxxata Maltija f’Beijing. Dan il-pass sar wara li l-Ministeru rispettiv talab u ngħata l-clearances kollha meħtieġa mis-Servizz tas-Sigurta.
  • Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bagħat lil Aldo Cutajar fil-Konsulat Malti f’Shanghai. Din il-kariga intemmet fis-7 ta’ Settembru 2019.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kellu l-ebda konnessjoni mal-ebda ċirkostanza hawn fuq imsemmija. Il-Gvern jirreferi wkoll għall-istqarrijiet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni lbieraħ fejn iddikjara li ma kellu l-ebda rabta mal-operat ta’ ħuħ. Il-Kap taċ-Ċivil kiteb ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn wera ruħu dispost li jagħti aċċess għal dwar kull materja finanzjarja li tikkonċerna lilu llum jew fl-imgħoddi. Bħala Kap taċ-Ċivil ordna wkoll li jibdew passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ ħuħ, mingħajr ma jkun involut hu.
Il-Gvern qal li huwa konvint li l-istituzzjonijiet indipendenti se jwettqu x-xogħol tagħhom biex issir ġustizzja ma’ min żbalja f’dan il-każ, bħal f’kull każ ieħor.

Sport