Sunday, November 24, 2024

Il-Gvern jikkunsidra tibdil fil-liġi biex ikunu protetti aktar l-artisti

Aqra wkoll

Il-Gvern qiegħed jikkunsidra li jkun hemm tibdil fil-liġi sabiex l-artisti jkunu protetti aktar. Dan wara li ġie rrapportat li artist ieħor ġie mitkellem mill-Pulizija wara li l-mexxej tar-River of Love, Pastor Gordon John Manchè għamel kwerela fil-konfront tal-istess artist, u dan ma kienx l-ewwel każ ta’ din ix-xorta.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li jifhem li l-pulizija trid tikkunsidra r-rapporti li jidħlu quddiema, iżda m’għandhiex issir għodda f’idejn estremisti li jridu joħonqu l-arti u l-libertà tal-ħsieb.

Huwa qal li flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici se jkun qed jaraw li jekk hemm bidliet leġiżlattivi oħra li jistgħu jsiru, isiru wkoll. “Għandna bżonn aktar satira, u inqas nies ixerrdu l-injoranza u l-mibegħda,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li mhux aċċettabbli li nħallu lil min jabbuża mil-ligijiet tagħna biex jipprova joħnoq lill-artisti. “Għamilna ħafna biex nipproteġu l-artisti u se nkomplu nagħmlu hekk,” tenna l-Ministru Bonnici.

Fuq ġurnal lokali ntqal li Manchè kien irrapporta lid-Direttur ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, wara li ħassu offiż b’dak li qal dwaru fuq il-mezzi soċjali. Buhagiar saħaq li s-satira għandha tkun imħarsa u li kien qed jitkellem b’appoġġ għall-komiku Daniel Xuereb u Matt Bonanno, li wkoll ġew irrapportati lill-Pulizija minn Manchè.

Sport