Il-Gvern qed jikkunsidra tibdil fil-liġi biex jindirizza ż-żieda fin-numru ta’ priġunieri li wassal biex il-popolazzjoni tal-Ħabs hija d-doppju ta’ dak li jiflaħ.
Fil-preżent il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tilqa’ madwar 900 priġunier meta b’mod ġenerali din il-binja f’Kordin tesa madwar 450.
Iż-żieda fil-popolazzjoni qed tkun ta’ uġiegħ ta’ ras għall-awtoritajiet li jridu jiffaċċjaw diversi sfidi loġistiċi fit-tmexxija tiegħu li wħud ilhom is-snin u oħrajn ġodda.
Minbarra persuni li jkunu qed jiskontaw piena ta’ ħabs hemm ammont ta’ persuni li jkunu miżmumin fuq arrest preventiv.
Minħabba n-natura ta’ ċertu reati jkun meħtieġ li ċertu priġunieri ma jinżammux fl-istess diviżjonijiet u għalhekk ikun hemm bżonn li jiġu separati anke biex jiġi evitat ġlied.
Problema oħra li qed jiffaċċja l-ħabs, bħalma jiffaċċjawha f’pajjiżi oħra, hija relatata mal-mard li allura jkun jinħtieġ li jinżammu għalihom. Din is-sena mal-mard tas-soltu żdiedet l-isfida tal-Covid19.
Dan il-ġurnal ikkuntattja lill-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi immexxi minn Byron Camilleri biex jara x’se jsir fir-rigward tal-popolazzjoni.
Lill-ministeru staqsejnih jekk fid-dawl tal-fatt li tliet kwarti tal-priġunieri huma barranin hemmx possibilità li fil-każ ta’ ħabsin minn pajjiżi tal-UE l-Gvern jidħol fi ftehim mal-pajjiżi li minnhom ġejjin biex min ikun qed jiskonta piena Malta jagħmilha f’pajjiżu.
Staqsejnih ukoll jekk hemm xi ftehim simili diġà u jekk le hemmx il-ħsieb li jinbdew taħdidiet ma’ pajjiżi oħra biex dan isir.
Lill-ministeru staqsejnih ukoll fiex wasal il-pjan li tinbena blokka ġdida fil-Ħabs.
Il-kelliema għalih weġbitna li l-amministrazzjoni tal-pajjżi hija konxja li llum hemm l-ikbar numru ta’ priġunieri u li dan iġib miegħu pressjoni.
“Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif jista’ jintuża aħjar l-ispazju li diġà hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fl-istess ħin qed ikunu esplorati wkoll soluzzjonijiet oħra li jinkludu bidliet leġislattivi li waqt li jgħinu fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri jnaqqsu l-pressjoni minn fuq il-Ħabs”.
Hija żiedet li dwar l-użu tal-ispazju preżenti kull soluzzjoni għandha tikkunsidra mhux biss il-bżonnijiet tal-Ħabs imma anke l-kommunità tal-madwar.
Il-Ħabs ta’ Kordin kien beda jiġi mibni mill-Ingliżi fl-1842 fuq il-mudell ta’ dak ta’ Pentonville f’Londra u kien maħsub biex jesa mal-200 priġunier.
Matul is-snin saru diversi tentattivi biex jinbnew partijiet ġodda biex jikber l-ispazju imma ż-żieda fil-priġunieri, fosthom ta’ barranin, wassal biex il-problema baqgħet tippersisti.
Minbarra l-priġunieri fil-ħabs ikun hemm numru ta’ professjonisti u gwardjani biex jieħdu ħsiebhom.
Waqt li l-Ħabs għandu madwar 350 gwardjan f’kull mument ikun hemm mal-130 jgħassu l-bini li jkompli jagħmilha aktar ta’ sfida.
Waqt li f’Ottubru li għadda żdiedu bi 73 il-gwardjani ġodda l-Gvern għandu l-ħsieb li jara li dawn jiżdiedu u qed jaħseb ukoll għal titjieb fil-kundizzjonijiet tagħhom ħalli jattira aktar nies lejn dan ix-xogħol.