Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM). Dan il-ftehim intlaħaq wara diversi diskussjonijiet u jixpruna l-isforzi tal-Ministeru sabiex pazjenti li jirrikorru għall-għajnuna b’urġenza jirċievu servizz sigur iżda b’aktar effiċjenza.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif dan il-ftehim jindirizza żewġ fatturi kruċjali għall-istrateġija tal-Ministeru fil-qasam tas-servizzi ta’ emerġenza. Semma kif il-viżjoni tal-Gvern li jiggarantixxi karrieri ta’ kwalità fil-klassi medika huwa rifless fit-tkabbir tal-grupp ta’ konsulenti speċjalisti, li sar matul is-sena li għaddiet, mingħajr ma’ ġie mittiefes ebda ftehim settorjali.
Il-Ministru Abela tenna kif dan il-ftehim jikkonsolida wkoll il-viżjoni tal-Ministeru li kull sid u riżors tal-pajjiż, fil-pubbliku u fil-privat, għandu jiġi użat biex il-marid fil-bżonn jirċievi kura tajba, f’waqtha u kif jixraq. “Il-Ministeru konvint li dan il-ftehim huwa pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex napplikaw is-soluzzjonijiet li qed noffru għall-ġid tal-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu Martin Balzan, President tal-MAM qal “B’rieda tajba u b’djalogu pożittiv, irnexxielna nilħqu ftehim tajjeb għat-tobba involuti fl-emerġenza u ċentri tas-saħħa kif ukoll għall-pazjenti, fejn ser jgħin biex is-servizz jitjieb.” Huwa temm billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fid-diskussjonijiet kordjali fl-aħħar ġranet.