Thursday, September 11, 2025

Il-Gvern jilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni u jestendi l-konsultazzjoni pubblika fuq l-Viżjoni Malta 2050

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi rċieva talba mill-Oppożizzjoni sabiex jissottomettu l-pożizzjoni tagħhom rigward il-Viżjoni Malta 2050. Minkejja li l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika kien intemm, bħala sens ta’ rieda tajba u sabiex din il-Viżjoni tkun waħda tassew nazzjonali, il-Ministeru għall-Ekonomija, f’isem il-Gvern, qiegħed jilqa’ din it-talba u jestendi l-perjodu ta’ konsultazzjoni sal-aħħar ta’ Ottubru.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega l-bżonn li din tkun Viżjoni ta’ pajjiż wieħed: “Il-Gvern jemmen li l-Viżjoni Malta 2050 hija opportunità unika u storika, li għall-ewwel darba ser tippermetti li pajjiżna jkollu qafas ta’ politika u direzzjoni ċara li tmur lil hinn minn ċiklu politiku ta’ ħames snin. Din l-inizjattiva diġà ntlaqgħet b’mod pożittiv ħafna minn diversi entitajiet u personalitajiet nazzjonali, fosthom il-President tar-Repubblika, l-Arċisqof ta’ Malta, kif ukoll diversi korpi kostitwiti, organizzazzjonijiet u ċittadini.”

Konsultazzjoni wiesa’

Il-viżjoni fit-tul għal pajjiżna imnedija mill-Gvern kompliet tiġbed interess qawwi matul is-sajf permezz ta’ għexieren ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u inizjattivi oħra li ġabru l-ideat tan-nies għal Malta fl-2050.

Il-Gvern kien ħabbar għall-ewwel darba x-xogħol ta’ Viżjoni fit-tul għal pajjiżna fi proċess li nbeda f’Ottubru 2024. Dan permezz tal-appoġġ ta’ ditta internazzjonali li ħadmet fuq proġetti simili f’pajjiżi oħra.

Sena ilu l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni kienet inbdiet b’diversi laqgħat mal-imsieħba soċjali, entitajiet pubbliċi kif ukoll rappreżentanti mis-settur privat.

Ma’ dawn żdiedu wkoll focus groups u surveys mal-pubbliku – magħhom ukoll konsultazzjonijiet esterni anke barra mill-pajjiż fejn saru surveys dwar kif persuni internazzjonali jħarsu lejn Malta.

F’Jannar li għadda mbagħad saret il-Konvenzjoni mal-Imprendituri Maltin – li kienet mifruxa fuq tlitt ijiem – fejn minn hemm kompliet tissawwar l-istampa olistika tal-punt tat-tluq.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni għal Viżjoni Malta 2050 ġie mniedi lura f’ April waqt laqgħa fiċ-Ċittadella f’Għawdex fejn persuni bi sfond varjat għamlu l-interventi tagħhom. It-tnedija ta’ dan id-dokument fetħet proċess ta’ konsultazzjoni usa’ għall-pubbliku.

Il-konsultazzjoni fis-sajf ibbażat ruħha wkoll fuq kampanja ta’ informazzjoni u inizjattivi bħal ‘Oħlom Oħloq’ – proġett fejn karozza tal-linja ddedikata żaret avvenimenti matul is-Sajf u ġabret il-ħolm tan-nies għal Malta t’ għada. Dan apparti għadd ta’ avvenimenti oħra kkonċentrati fuq gruppi tas-soċjetà u stakeholdersminn oqsma varji.

Is-Segretarju Permanenti għall-Koordinazzjoni u l-Implementazzjoni tal-Viżjoni, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Ronald Mizzi spjega l-importanza tal-konsultazzjoni: “Matul is-sajf konna qed niltaqgħu mal-pubbliku, permezz ta’ avvenimenti u l-mezzi soċjali tagħna, u żammejna ritmu tajjeb ta’ laqgħat ma’ msieħba oħra u entitajiet, u l-pubbliku ta’ kull età. Smajna x-xewqat u l-ħolm għal Malta fl-2050, kemm jekk ġejjin minn tfal, żgħażagħ u anke etajiet akbar. Però nafu li hemm iktar x’nisimgħu u għalhekk se nkunu qed nestendu l-perjodu ta’ konsultazzjoni sal-aħħar ta Ottubru.”

B’kollox il-Vision Implementation Unitli nħoloq fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġabar ’il fuq minn elfejn sottomissjoni jew idea differenti.

Implimentazzjoni trasparenti u li tista’ titkejjel

Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia fakkar kif din il-ħidma ser tbiddel il-mod kif il-pajjiż jippjana għall-futur: “L-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni ser tkun kruċjali. Għal kull miżura se jkun hemm il-KPIs imfassla, KPIs li jista’ jarahom il-pubbliku b’mod live u b’hekk naraw li kull miżura nistmaw il-prezz tagħha, jkollha policies assenjati magħha u tibda tiġi implimentata – biex fix-xhur u snin li ġejjin naraw din il-viżjoni sseħħ għal Malta aħjar.”

Wara li tingħalaq il-konsultazzjoni f’Ottubru l-pass li jmiss imbagħad joħodna għat-tnedija prinċipali tal-Viżjoni Malta 2050  – kmieni s-sena d-dieħla.

Din il-Viżjoni hija msawra fuq erba’ pilastri: ekonomija li tikber b’mod sostenibbli, servizzi li jżommu lill-individwu fiċ-ċentru, komunitajiet reżiljenti magħquda ma’ edukazzjoni moderna u użu intelliġenti tal-art u l-baħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport