Saturday, November 23, 2024

Il-gvern jinvesti €100,000 oħra fis-settur tal-Edukazzjoni

Aqra wkoll

Dalgħodu ġie ffirmat il-Kuntratt tal-Education Exception li jirregolarizza għall-ewwel darba l-ikkuppjar ta’ materjal ipprintjat (ir-reprografija) u l-użu diġitali tal-kotba Maltin fl-iskejjel pubbliċi. Dan kien possibbli wara sena ta’ negozjati u konsultazzjonijiet bejn dawk kollha involuti.

“Din kienet waħda mill-ewwel affarijiet li ħdimt fuqha hekk kif dħalt responsabbli mill-Ministeru għall-Edukazzjoni”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, “permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern qed ikompli jinvesti f’dan is-settur tant importanti għall-pajjiżna – l-Edukazzjoni – ftehim li jsarraf f’investiment ta’ €100,000 u bih qed naraw li l-użu tal-kotba u materjal ieħor pubblikat jibqa’ għaddej, imma fl-istess ħin nassiguraw l-interessi u d-drittijiet tal-awturi, l-illustraturi u l-pubblikaturi”.

Il-ftehim b’hekk jirregola l-użu illegali u irregolari tar-reprografija u l-użu diġitali tal-kotba, li minnhom infushom jagħmlu ħsara lill-industrija tal-kotba, tali mod li jibbenefika kulħadd minnu fosthom l-għalliema u l-istudenti.

Ir-regolarizzazzjoni u l-liċenzjar tal-kotba użati fis-sistema edukattiva huwa obbligu tal-Unjoni Ewropea (UE) li kull Stat Membru jrid isegwi, u dan l-obbligu se jissaħħaħ ladarba d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali tidħol fis-seħħ fis-sajf tal-2021. B’dal-ftehim il-pubblikaturi u l-awturi jirċievu sa massimu ta’ €100,000 allokati kull sena bir-rata ta’ 10% għall-użu reprografiku jew diġitali għal kull ktieb ippubblikat. Dan il-ftehim japplika għall-iskejjel pubbliċi kollha u anki għall-iskejjel tal-Knisja.

ll-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun responsabbli għall-immaniġġjar tal-proċess biex jgħaddi l-fondi msemmija lill-Organizzazzjoni Maltija għad-Drittijiet Reprografiċi (Malta Reprographic Rights Organisation), biex imbagħad din tgħaddihom lill-pubblikaturi u lill-awturi li jkunu fl-iskema.

F’kumment wara li ġie ffirmat dan il-ftehim, iċ-Chair tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tal-azzjoni u s-sapport ħabrieki tagħha għal dawn ir-riformi leġiżlattivi. “Fil-Ministru naraw persuna li kapaċi tieħu ħsieb din l-industrija u ħerqana naħdmu aktar magħha għall-ġid tal-imsieħba u l-pubbliku ġenerali”, stqarr Mark Camilleri.

Dr Chris Gruppetta faħħar il-ħidma li saret li wasslet għal dan il-jum tal-iffirmar u qal li dan huwa ftehim importanti u ta’ ġid għall-awturi, l-pubblikaturi u x-xogħol tagħhom.

Il-ftehim kien iffirmat fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, mis-Segretarju Permanenti Dr Frank Fabri għall-Ministeru; Mark Camilleri Chair tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Dr Chris Gruppetta għall-Malta Reprographic Rights Organisation.

Sport