Friday, November 7, 2025

Il-Gvern jippubblika d-deċiżjoni finali li rċieva mingħand l-ICC

Aqra wkoll

Wara li t-Tnejn li għadda, il-Gvern ta’ Malta rċieva kopja tas-sentenza maħruġa mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ Internazzjonali, fir-rigward tal-proċeduri bejn il-Gvern u Steward Healthcare, ilbieraħ ippubblika d-deċiżjoni finali, liema deċiżjoni finali saret taħt ir-Regoli tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ. 

Dan il-każ kien deċiż f’sentejn u nofs u ra l-bidu tiegħu f’April tal-2023 u d-deċiżjoni finali ngħatat fit-3 ta’ Novembru 2025. Wara li saru s-sottomissjonijiet kemm min-naħa ta’ Steward kif ukoll min-naħa tal-Gvern Malti, is-smigħ finali sar f’Mejju li għadda, li dam għaddej ħamest ijiem.

Wara s-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili tal-24 ta’ Frar 2023, Steward kien għadda biex jittermina l-konċessjoni tal-isptarijiet. Fost affarijiet oħra, Steward kien allega li s-sentenza kienet tikkostitwixxi ksur mill-Gvern li allegatament kienet tiġġustifika t-tmiem tal-konċessjoni (b’danni li kellhom jitħallsu lilhom). Il-Gvern ma qabilx ma dan u temm il-konċessjoni hu stess għax sostna li Steward ma onorax l-obbligi fil-konċessjoni.

Fid-29 ta’ Marzu 2023, Steward beda proċeduri ta’ arbitraġġ ta’ emerġenza taħt ir-regoli tal-ICC biex jipprevjeni lill-Gvern milli jieħu kontroll tal-operat tal-isptarijiet. L-arbitraġġ ta’ emerġenza ġie miċħud u l-pożizzjoni tal-Gvern ġiet sostnuta mill-arbitru ta’ emerġenza, li ta lill-Gvern l-ispejjeż. B’riżultat tal-bidu ta’ dan l-Arbitraġġ ta’ Emerġenza, Steward imbagħad kien obbligat li jibda proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali fuq il-mertu tal-każ. 

Inizjalment, qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-każ Delia, id-difiża prinċipali tal-Gvern kienet li l-kuntratti kienu nulli. Riżultat tal-kawża Delia, Malta ma setgħetx titlob kumpens quddiem l-ICC.

Konsegwentement, il-Gvern sostna li, skont il-liġi Maltija, iż-żewġ partijiet kellhom imorru lura fil-pożizzjoni li kienu fiha qabel ma ffirmaw il-kuntratti. Din id-difiża tqajmet qabel ma l-Qorti tal-Appell tat is-sentenza tagħha fil-każ-Delia f’Ottubru 2023. 

B’żieda mal-ewwel difiża, il-Gvern qajjem ukoll kontro-talbiet kuntrattwali kontra Steward li kienu jinkludu talbiet għal telf li allegatament irriżulta minħabba nuqqas ta’ Steward li jinvesti fl-isptarijiet u talbiet għal telf minħabba allegat nuqqas ta’ Steward li jiżviluppa t-turiżmu mediku fost oħrajn.

Wara li l-Qorti tal-Appell tat is-sentenza fil-każ-Delia, il-Gvern żied linja ta’ difiża oħra li l-kuntratti kienu revokati mill-Qorti tal-Appell għax kisru l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern. Din kienet id-difiża prinċipali tal-Gvern. Konsegwentement, il-Gvern sostna li, skont il-liġi Maltija, iż-żewġ partijiet kellhom imorru lura għall-pożizzjoni li kienu fiha qabel ma ffirmaw il-kuntratti.

Min-naħa l-oħra, Steward qajmet diversi punti fil-proċeduri ta’ arbitraġġ fosthom li argumentaw li kellhom dritt jitterminaw il-ftehim ta’ konċessjoni u li kienu intitolati għal ħlas ta’ €100 miljun minħabba din l-istess terminazzjoni fost oħrajn. Dawn l-ilmenti eventwalment ġew ikkwantifikati għal madwar €148 miljun. 

X’iddeċieda t-Tribunal?

It-Tribunal kien laqa’ t-talba prinċipali tal-Gvern li l-kuntratti ġew irrevokati mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell għax ma kinux konformi mal-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern, u li skont il-liġi Maltija, din ir-revoka teħtieġ li l-partijiet jirritornaw l-benefiċċji kollha li rċevew taħt il-kuntratti.

Il-Tribunal ukoll aċċetta l-pożizzjoni tal-Gvern li t-talbiet kuntrattwali, inkluż it-talba ta’ Steward għal ħlas ta’ terminazzjoni ta’ €100 miljun u kwalunkwe danni, ma jistgħux jiġu infurzati jekk il-kuntratt ikun ġie rrevokat u nnullat.

F’dan ir-rigward, jiġifieri l-aċċettazzjoni tad-difiża prinċipali tal-Gvern, il-Tribunal ċaħad it-talbiet kuntrattwali ta’ Steward kif ukoll il-kontrotalbiet kuntrattwali tal-Gvern.

Il-Tribunal evalwa l-benefiċċji li kull parti rċeviet matul l-eżistenza tal-kuntratti u kompla b’set-off tal-ammonti rispettivi. Fil-ħidma tiegħu, il-Tribunal kien gwidat mir-rapporti tal-esperti finanzjarji. Fl-aħħar nett, il-Tribunal ikkonkluda li l-Gvern rċieva benefiċċju nett ta’ €4.8 miljun, u b’hekk ordna lill-Gvern sabiex iħallas dan l-ammont lil Steward. Barra minn hekk, it-Tribunal ma sabx li kien hemm frodi. 

Fid-deċiżjoni ntqal ukoll li l-Gvern ma kienx ħallas lil Steward biex itejjeb l-isptarijiet iżda kien ħallas lil Steward biex jipprovdi servizzi mediċi fl-isptarijiet. It-total ta’ benefiċċji li rċieva Steward kienu jammontaw għal €884,664,629 mentri l-benefiċċji li rċieva l-Gvern kienu jammontaw għal €889,434,091.

Il-maġġoranza tal-ħlasijiet li saru mill-Gvern lil Steward kienu maqbula fil-kuntratt skont il-Health Services Delivery Agreement għas-servizzi mediċi u f’termini tal-Labour Supply Agreement għall-impjegati.

It-Tribunal ikkonkluda li l-pagamenti li saru mill-Gvern lil Steward qatt ma kienu intiżi li jkopru n-nefqa kapitali u l-investiment fl-isptarijiet. “Steward kien mistenni li jikseb finanzjament biex jinvesti fl-isptarijiet iżda qatt m’għamel dan.” It-Tribunal ikkonkluda li r-raġuni prinċipali għalfejn Steward ma setax jagħmel dan kienet li l-konċessjoni ma kinitx meqjusa bħala bankabbli. 

Sadanittant, jassistu lit-Tribunal kien hemm 10 esperti – ħamsa nominati mill-Gvern u ħamsa oħra nominati minn Steward. Kien hemm erba’ xhieda li ressqu l-affidavit tagħhom dwar x’ġara f’dan il-każ. 

It-Tribunal ta’ Arbitraġġ kien kompost minn Dr Michael W. Buhler (Chair), David Kavanagh (Co-Arbitror) u Dr Cecilia Carrara (Co-Arbitror).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport