Il-Gvern qed jippubblika Green Paper li permezz tagħha qed itellaq konsultazzjoni pubblika wiesgħa bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-qafas legali dwar l-ambjent f’pajjiżna, filwaqt li tiggarantixxi li d-drittijiet, id-drawwiet u l-għajxien taċ-ċittadini jibqgħu mħarsa.
Din l-inizjattiva tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.
Illum, il-Parlament għandu quddiemu għad-diskussjoni Private Member’s Bill imressqa mill-Oppożizzjoni, li titlob emendi kostituzzjonali. Proċess bħal dan jirrikjedi konsultazzjoni wiesgħa, b’mod li jinġabru l-fehmiet ta’ kulħadd u jkun analizzat l-impatt ta’ dawk il-proposti.
Fost oħrajn, il-Green Paper tispjega kif il-protezzjoni ambjentali diġà hija mniżżla bħala wieħed mill-prinċipji tal-kostituzzjoni tagħna f’Kapitlu 2 u tagħmel stedina għall-pożizzjonijiet minn kulħadd.
Il-Green Paper tistieden liċ-ċittadini, l-eNGOs, in-negozji, u l-esperti biex jipparteċipaw fit-tfassil ta’ liġijiet ambjentali aktar b’saħħithom, governanza aħjar, u futur aktar sostenibbli. Id-dokument jipprovdi kuntest lokali u legali b’mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni mmirati biex jiġbor l-opinjonijiet tal-pubbliku.
“Nemmnu li kull fejn hemm bżonn, insaħħu l-liġijiet li jħarsu l-ambjent hekk għandna nagħmlu u hekk se nibqgħu. Però kull bidla teħtieġ konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi lis-soċjetà kollha kemm hi. Għalhekk qed nistiednu lil kulħadd biex jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Irridu l-opinjoni ta’ kulħadd dwar il-prioritajiet għall-protezzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u trasparenza, l-azzjonijiet u r-rimedji u l-viżjoni fit-tul,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli lill-ġurnalisti preżenti.
“Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-dritt għall-ambjent, iżda dan għandu jsir b’mod serju, kostituzzjonalment sod, u b’viżjoni li tħares il-ġid komuni. L-abbozz li ressqet l-Oppożizzjoni, mhux biss jintroduċi dritt b’mod vag u bla kontrolli proċedurali, iżda jiftaħ il-bieb għal kawżi bla bażi, spekulattivi, u potenzjalment malizzjużi. Dan mhux mod kif nipproteġu l-ambjent. Dan hu mod kif nipperikolaw l-istabbiltà legali, l-investiment, u l-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” stqarr il-Ministru Jonathan Attard.
Il-konsultazzjoni fuq il-Green Paper tiftaħ illum 3 ta’ Ottubru u tagħlaq fl-4 ta’ Diċembru, 2025. Id-dokument huwa disponibbli fuq https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2025/NL-0032-2025.aspx. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu fuq [email protected].