Il-Gvern kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur l-akkomodazzjoni soċjali u r-riġenerazzjoni tal-binjiet eżistenti billi rduppja l-għotja fl-iskema tal-Awtorità tad-Djar għar-restawr ta’ proprjetajiet vojta minn €25,000 għal €50,000. Barra minnhekk, l-eliġibbiltà tal-iskema ġiet estiża biex tinkludi proprjetajiet li għandhom aktar minn 20 sena.
Din il-miżura tfisser opportunità konkreta għal aktar sidien biex jinvestu fil-proprjetajiet tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu direttament biex jiżdied l-ammont ta’ akkomodazzjonijiet soċjali fil-pajjiż.
Taħt il-programm “Nikru biex Nassistu”, is-sidien li jagħżlu li jipparteċipaw, jibbenefikaw minn kirja garantita ta’ 10 snin mal-Awtorità tad-Djar, bi dħul mill-kera eżentat mit-taxxa, imħallas bil-quddiem kull sitt xhur u b’żidiet annwali prevedibbli. Dan joħloq bilanċ bejn is-sigurtà għas-sidien u s-serħan il-moħħ għall-familji li jeħtieġu saqaf fuq rashom.
Użu aħjar minn dak li diġà għandna
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta (MDA) laqgħet b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni tal-Gvern. Fi stqarrija qalet li dan huwa “pass sinifikanti u pożittiv kemm għas-sidien tal-proprjetà kif ukoll għall-komunitajiet li qegħdin jaffaċċjaw pressjonijiet relatati mal-akkomodazzjoni”.
L-MDA enfasizzat li, “Malta għandha tagħmel użu aħjar minn dak li diġà għandha” u nnotat li skemi bħal din mhux biss jiftħu aktar stokk ta’ akkomodazzjoni għal skop soċjali, iżda wkoll “isaħħu l-kburija fil-wirt mibni tagħna u jnaqqsu l-pressjoni għal żvilupp ġdid mhux meħtieġ”.
Din l-Assoċjazzjoni żiedet li din l-inizjattiva tikkonferma l-ħtieġa ta’ strateġija fit-tul dwar ir-retrofitting u r-riġenerazzjoni, filwaqt li appellat biex il-finanzjament ikun stabbli u aċċessibbli u biex tonqos il-burokrazija li tista’ tfixkel ir-rinnovazzjoni.
B’din id-deċiżjoni l-Gvern qiegħed jagħti sinjal ċar li jinsab determinat li jindirizza l-isfidi tal-akkomodazzjoni b’miżuri konkreti u sostenibbli filwaqt li jippromwovi riġenerazzjoni urbana li tibbenefika lill-komunitajiet Maltin kollha.

