Thursday, February 19, 2026

Il-Gvern jirdoppja l-għotja għar-rijabilitazzjoni ta’ postijiet battala għal €50,000

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar li minn din is-sena l-għotja marbuta ma’ rijabilitazzjoni ta’ postijiet battala li mbagħad jgħaddu fl-inventarju tal-Awtorità tad-Djar, se tirdoppja għal €50,000. 

Dr Ellul ħabbar ukoll li fejn qabel biex wieħed jikkwalifika għall-għotja l-proprjeta kellha tkun ilha 30 sena mibnija, din issa inbidlet u dawk il-proprjetajiet kollha li ilhom mibnija 20 sena issa jistgħu jikkwalifikaw. B’dan il-mod, spjega Dr Ellul, ‘qed inwessgħu l-eliġibilità għal min jista’ japplika għal din l-iskema.’ 

Ir-Rehabilitation of Vacant Dwellings for Rent Scheme (RVU) hija inizjattiva fejn persuna li jkollha proprjetà li ilha vojta aktar minn sena tista’ tibbenefika minn fondi sabiex tirranġa jew tirrijabilità din il-proprjetà. 

Ladarba ssir din ir-rijabilitazzjoni, il-proprjetà  tidħol fl-iskema Nikru biex Nassistu.

Sas-sena l-oħra kull applikant kien jirċievi sa €25,000, bl-għotja din is-sena tirdoppja għal massimu ta’ €50,000. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet  f’Ħal Għaxaq li matulha kienu mħabbra t-tibdiliet ta’ din l-iskema s-Segretarju Parlamentari Ellul spjega kif permezz ta’ dan il-mudell il-Gvern qed joħloq ċertezza fuq żewġ naħat. 

‘Fuq in-naħa tas-sid hemm serħan il-moħħ li għandu post mikri lill-Awtorità tad-Djar għal għaxar snin, bi dħul stabbli… u fuq in-naħa l-oħra, jiġifieri għal dawk l-aktar fil-bżonn, ċertezza ta’ saqaf fuq rashom li joffri dinjità u stabbilità.’

Dr Ellul qal li din l-iskema hija parti minn elenku ta’ skemi li l-Awtorità tad-Djar għandha biex tagħti spinta lill-provvista ta’ housing soċjali.

‘Grazzi għal din l-iskema sid ta’ propjetà jista’ jagħmel xogħlijiet ta’ tiswija strutturali biex post battal u mitluq jilħaq livelli bażiċi ta’ akkomodazzjoni residenzjali.’

Dr Ellul kompla jgħid li t-tibdil f’din l-iskema tifforma parti minn sistema aktar wiesgħa ta’ housing soċjali. 

‘Din l-iskema hija mudell sostenibbli li jgħaqqad l-interess tas-sidien u l-użu effiċjenti tal-proprjetà, mal-ħtieġa soċjali tal-pajjiz sabiex flimkien jgħinuna nkomplu nagħtu d-dinjità lil aktar persuni u aktar familji, u sabiex inkomplu nassiguraw li kull persuna f’Malta jkollha saqaf fuq rasha.’ 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorittad-Djar Matthew Zerafa qal li permezz ta’ din l-iskema qed tingħata opportunità ‘lill-anzjani li għandhom villeġġjatura li m’għadiex tintuża u jixtiequ jagħmlu użu aħjar minnha. Kif ukoll familja li wirtet dar antika li baqgħet vakanti minħabba l-piż finanzjarju tar-restawr.’

Is-Sur Zerafa spjega kif dawn il-€50,000 jistgħu jmorru għal, fost oħrajn; tiswijiet strutturali, alterazzjonijiet jew estensjonijiet meħtieġa, xogħlijiet relatati ma’ elettriku, plumbing u drenaġġ u tiswijiet jew bdil ta’ madum, aperturi u bibien.’

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport