Fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet il-finanzi tal-Gvern kellhom surplus ta’ madwar €83 miljun. Dan ħareġ mill-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan hu l-aqwa riżultat fiskali għall-pajjiżna kemm ilu fit-tmexxija l-Prim Ministru Robert Abela.
Ir-rapport tal-NSO jgħid li bejn Lulju u Settembru li għadda d-dħul tal-Gvern kien ta’ €83 miljun aktar mill-ħruġ. Dan minkejja li l-ispiża pubblika laħqet figura rekord ta’ iżjed minn €2 biljun, jew żieda ta’ 4% fuq is-sena ta’ qabel.
Fl-istess perjodu, id-dħul tal-Gvern laħaq madwar it-€2.2 biljun, jew 8% aktar mill-2024. Din iż-żieda qawwija fid-dħul mit-taxxi seħħet minkejja li l-Gvern kien implimenta tax cut biex il-familji f’pajjiżna jgħixu aħjar.
Min-naħa l-oħra, fit-tielet kwart tal-2025 kien hemm żieda qawwija ukoll fil-benefiċċji soċjali, ta’ kważi €54 miljun. Kien hemm ukoll żieda fil-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Il-piż tad-dejn pubbliku ġie rraportat li naqas għal madwar 47% tal-ġid nazzjonali.



