Saturday, December 28, 2024

Il-Gvern kommess li f’Settembru jiftaħ l-iskejjel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici iddikjara fil-Parlament li l-Gvern huwa kommess li f’Settembru li ġej jiftaħ is-sena akkademika madankollu se jimxi max-xjenza biex jagħmel dan.

Fl-istess waqt huwa sostna li l-Gvern qiegħed isegwi l-‘framework’ tal-Ġnus Maqgħuda dwar l-iskejjel, li jipprovdi diversi xenarji, u se jimxi wkoll ma’ dak li jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Bonnici stqarr dan fil-Parlament wara sensiela ta’ mistoqsijiet minn deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra dwar is-sitwazzjoni tal-edukazzjoni fl-isfond tal-Covid19.

Dwar it-tagħlim online huwa reġa’ irringrazzja lill-edukaturi talli malli ngħalqu l-iskejjel kienu kapaċi jadattaw u jibdew jgħallmu lit-tfal immedjatament.

Huwa fakkar kif stħarriġ li sar riċentament wera li mindu beda t-tagħlim online l-użu tat-‘tablets’ f’dawn il-ġimgħat qabeż dak matul l-erba’ snin li għaddew.

Bonnici semma kif irċieva telefonata minn Rennie Zerafa ta’ Puttinu Cares fejn dan qallu li kemm ilu infermier din kienet l-ewwel darba li tfal morda bil-kanċer ma tilfux is-sena skolastika għax setgħu jsegwu tagħlim online.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irrefera wkoll għat-‘think tank’ dwar il-futur tal-edukazzjoni fejn semma kif issa hemm iktar rappreżentanza fih fosthom tal-edukaturi.

Dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel qal li l-ħaddiema ħadu l-okkażjoni u qed jirranġaw l-iskejjel waqt li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada wkoll “għafset il-gass” fuq il-proġetti li għaddejja bihom fosthom l-iskola primarja ġdida fil-Qawra.

Bonnici irrefera wkoll għall-eżerċizzju li qed isir dwar dak li jippjanaw l-għalliema bħala tagħlim u l-edukazzjoni li jagħtu biex l-informazzjoni tinġabar u tgħin lill-awtoritajiet jippjanaw għall-futur.

Ekonomija

Sport